Koppja f’Perth, fl-Awstralja, nefqu l-ekwivalenti ta’ €35,000 f’riċeviment biex jiċċelebraw għeluq it-tliet snin ta’ binthom Lauren.
Għar-riċeviment stiednu 220 persuna u ċċelebraw b’ikel fin fosthom b’gajdri u xampanja Franċiża.
Eric Lembo u Trang Nguyen organizzaw riċeviment bit-tema ta’ Disney u nefqu eluf ta’ ewro fuq Mickey u Minnie Mouse, magician, persuni li jiżbgħu l-uċuh u oħrajn li joħolqu oġġetti bil-bżieżaq biex joħolqu divertiment għall-50 tifel u tifla li stiednu.
Ir-riċeviment sar taħt tinda kbira mikrija għall-okkażjoni li fiha anke krew dawl fil-forma ta’ ittri biex jispellu isem it-tifla. Il-menu tal-ikel hu stmat li sewa mat-€18,000. Krew ukoll is-servizz ta’ fotografi professjonali u saħansitra ta’ kantanta li rebħet edizzjoni ta’ Australian Idol, Courtney Murphy.
Il-missier, ta’ oriġini Taljana, qal li jekk hemm xi ħadd li għandu jagħmel party kbir, dan hu hu ladarba jaħdem fl-industrija tad-divertiment. Qal li t-Taljani u l-Vjetnamiżi, minn fejn toriġina l-omm, għandhom it-tradizzjoni li jagħmlu festa kbira għal għeluq l-ewwel sena tat-tarbija u huma ddeċidew li jagħmluha wkoll għat-tieni u t-tielet sena.
Ir-raġel iġġustifika l-ispiża billi qal li hu jagħti flus lill-karità u li l-flus li nefaq għal din il-festa marru fl-ekonomija tal-komunità. Qal ukoll li s-sena d-dieħla se jinvesti iktar flus fil-komunità għal għeluq l-erba’ snin tat-tifla.
//= $special ?>