Lokali

Filmat: L-intenzjoni tal-Gvern mhijiex li toħroġ il-verità, iżda li l-Inkjesta tintuża’ bħala ballun politiku – il-PN

L-Inkjesta dwar il-konkos fl-Isptar Mater Dei hi all in the family

Aktar fatti ġodda dwar il-mod kif qed topera l-Inkjesta tal-eks Imħallef Philip Sciberras dwar il-konkos fl-Isptar Mater Dei. Dan hekk kif issa sar magħruf li iben l-eks Imħallef mhux biss hu involut fl-Inkjesta, imma qed jagħmel ukoll il-mistoqsijiet lill-persuni li jkunu qed jixhdu.

Dan kien żvelat waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami u mix-Shadow Ministers Jason Azzopardi u Claudette Buttigieg. L-Inkjesta tal-eks Imħallef Philip Sciberras issa hi mdawra minn diversi kontroversji, b’mod partikolari l-fatt li Sciberras għażel lil ibnu stess biex ikun involut fiha.

Kontroversja oħra dwar l-Inkjesta hi li d-dettalji tagħha għadhom mhux pubblikati u għadha mhix konkluza, imma l-Ministru Konrad Mizzi qed jiżvela informazzjoni minnha. Għall-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, din hi akkuża serja fil-konfront tal-Ministru Mizzi.

Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għas-Saħħa Claudette Buttigieg sostniet li l-Gvern għandu jippubblika d-dokumentazzjoni kollha marbuta mal-każ tal-konkos difettuż fl-Isptar Mater Dei, filwaqt li staqsiet jekk il-Gvern hux qed jiddefendi l-interessi ta’ xi nies li tawh donazzjonijiet.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi qal li l-Gvern qed ikompli jaħdem bil-prinċipju ta’ all in the family, mhux biss għax l-eks Imħallef Sciberras qed imexxi l-Inkjesta u ibnu Alex hu involut fiha, iżda r-rappreżentanta tal-Partit Laburista fl-Awtorità tax-Xandir hi Rose Sciberras, li tiġi mart l-eks Imħallef u omm Alex.