Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni tistenna rispett mill-Gvern u mhux tagħjir

… u trid tagħti sehemha fis-soluzzjonijiet quddiem din l-isfida

Ix-Shadow Minister għall-Ekonomija Claudio Grech ikkritika l-attitudni tal-Ministru Edward Zammit Lewis li jattakka lill-Oppożizzjoni li ma tifhem xejn u li tkun mgħajra. Dan hu eżempju ieħor tal-Gvern li jgħid ħaġa u jagħmel oħra anke fuq sfida importanti u ta’ livell nazzjonali bħalma hi l-Air Malta.

Fid-dibattitu dwar ir-rapport ippreżentat fil-Parlament dwar l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA), Claudio Grech qal li l-Oppożizzjoni tistenna rispett mill-Ministru Zammit Lewis quddiem l-appell biex l-Oppożizzjoni tingħata spazju biex tkun parti mill-ħidma li twassal biex jiġu indirizzati s-soluzzjonijiet għall-isfida kontinwa tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru, Air Malta.

Saħaq li kull gvern, kull politiku li taħtu kienet taqa’ r-responsabbiltà tal-Air Malta ħadem b’intenzjoni tajba, u ma jaqbilx mal-pożizzjoni li qed jieħu kontinwament dan il-Gvern illum, li l-Oppożizzjoni hi protagonistia tal-problemi.

Claudio Grech saħaq li l-Oppożizzjoni trid tagħti s-sehem tagħha għas-soluzzjoni quddiem l-isfida tal-Air Malta u tenna li l-Oppożizzjoni mhix qed tagħmel bħall-Oppożizzjoni Laburista li fir-ristrutturazzjoni li beda gvern Nazzjonalista qagħdet gallarija u/jew fixklet.

Irrimarka li hu obbligu tal-Oppożizzjoni li tagħmel il-mistoqsijiet lill-Gvern, u saħaq li kellu jkun il-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta u mhux il-Ministru li jagħti informazzjoni li l-Opożizzjoni ilha tistaqsi fil-Parlament lill-Ministru Zammit Lewis biex jgħid jekk hux se jkun hemm tnaqqis fil-flotta tal-Air Malta.

Ix-Shadow Minister qal li issa għandna l-konferma mill-Kap Eżekuttiv tal-Air Malta, li se jonqsu l-ajruplani u se jinżlu minn għaxra għal sebgħa.

Appella lill-Ministru ma jiġix fil-Parlament b’din l-attitudni li l-Gvern jibqa’ ma jagħtix l-informazzjoni. Irrimarka li d-deċiżjoni li titnaqqas il-flotta ma ntlaqgħatx tajjeb, u awgura li l-parir li ngħatat lill-Air Malta hu tajjeb.

L-Oppożizzjoni ma taqbilx li jinbiegħu interessi lil barranin
L-Oppożizzjoni ma taqbilx li fl-Air Malta l-Gvern ibiegħ interessi lil barranin, kif ma qablitx mal-interessi li l-Gvern biegħ fl-Enemalta.

Enfasizza li s-settur tat-turiżmu hu kruċjali għall-ekonomija u s-settur tat-turiżmu qed iħalli effett f’kull qasam tal-ekonomija tagħna. L-Oppożizzjoni trid li din il-leġiżlatura tkun ta’ suċċess ukoll għat-turiżmu bħalma seħħ fil-leġiżlatura li għaddiet li ħalliet industrja tajba kif jirrikonoxxi l-Gvern stess illum.

B’rabta mad-dibattitu dwar l-MTA, ix-Shadow Minister qal li kien jistenna mill-Gvern preżentazzjoni ta’ viżjoni li tħares ‘il quddiem minflok ma jagħżel li jitfa’ l-vleġġeġ lill-Oppożizzjoni.

Irridu pajjiż ta’ sitt stilel
Tkellem ukoll dwar l-importanza li jkompli jitjieb il-prodott turistiku Malti u hemm ħafna x’jista’ jsir biex issir il-qabża meħtieġa fil-kwalità tal-prodott. Appella għal impenn kollettiv, u mhux attenzjoni biss fuq zona waħda, biex jissaħħaħ il-prodott tat-turiżmu fil-pajjiż kollu.

Semma l-medjokrità li għadha teżisti f’pajjiżna u appella li rridu naħdmu biex il-pajjiż ikkun kollu ta’ sitt stilel u mhux biss lukanda waħda ta’ sitt stilel.

“Irridu nkunu pajjiż li jkun b’saħħtu fl-infrastruttura, bi spazji miftuħa li jgħollu l-livell tal-prodott turistiku tagħna anke fuq oqsma oħra importanti biex tengħleb il-medjokrità li għadha teżisti f’pajjiżna llum”, temm jappella x-Shadow Minister Claudio Grech.