Imissu kien il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo li beda l-konsultazzjoni dwar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jibni Università fiż-Żonqor … u mhux l-Oppożizzjoni. Dan qalitu x-Shadow Minister għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-bini tal-MCAST f’Raħal Ġdid fi tmiem laqgħa li kellha mal-istudenti fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija.
Therese Comodini Cachia qalet li mil-laqgha li kellha, indunat kemm verament l-istudenti huma mħassbin dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li tinqered waħda mill-isbaħ żoni fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta. L-istudenti u l-Lecturers huma mħassbin ukoll dwar kif din l-Università se taffetwa l-edukazzjoni f’pajjiżna. Bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, għada l-Oppożizzjoni se tkun qed tiltaqa’ wkoll mal-Lecturers dwar l-Avviz Legali introdott din is-sena u li jbaxxi l-istandards tal-edukazzjoni f’pajjiżna.
Ix-Shadow Minister tkellmet ukoll dwar ir-riforma proposta fl-MCAST. Qalet li r-Riforma għadha tirrifletti l-bżonnijiet tal-istudenti u mhux ta’ xi ħaddieħor. Madankollu, kemm l-Oppożizzjoni u anke l-istudenti saru jafu bir-Riforma mill-media u mhux mill-Gvern, li min-naħa tiegħu ma għamel l-ebda konsultazzjonni dwarha kif suppost.
//= $special ?>