Kunsilli Lokali Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni trid Kunsilli Lokali b’saħħithom u relevanti

L-elezzjonijiet lokali jkunu relagati jekk isiru mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said appella lill-Gvern isaħħaħ u mhux idgħajjef u jagħmel lill-Kunsilli Lokali anqas relevanti. L-Oppożizzjoni hi kontra l-proposti tal-Gvern li jtawwal il-perjodu ta’ żmien tal-Kunsilli Lokali u jagħmel l-elezzjonijiet lokali fl-istess ġurnata tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej.

Fid-dibattitu fil-Parlament dwar l-emendi li qiegħed iressaq il-Gvern għal tibdil fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali mingħajr il-kunens tal-Oppożizzjoni, Chris Said saħaq li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-proposta li l-elezzjonijiet lokali jsiru mal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej. Fisser dan bħala daqqa’ ta’ sieq lill-Kunsilli Lokali.

Fisser ukoll li meta l-elezzjonijiet lokali jsiru ma’ elezzjonijiet fuq livell nazzjonali, l-elezzjonijiet lokali se jkunu relagati. Mhux se jkun hemm opportunità ta’ dibattitu dwar temi lokali għaliex id-dibattitu jinxtorob mill-importanza tal-elezzjonijiet Ewropej.

Chris Said qal li jekk irridu Kunsilli Lokali b’saħħithom u relevanti, l-elezzjonijiet iridu jkunu f’ġurnata għaliha għaliex se tinqered is-saħħa u r-relevanza tal-Kunsilli Lokali.
Innota li din is-sena l-Kunsilli Lokali jagħlqu 22 sena mit-twaqqif tagħhom. L-ewwel elezzjoni saru f’Novembru 1993 fl-istess sena li l-Parlament iddiskuta liġi storika li daħlet il-kunċett tas-sussidjarjetà – kunċett li d-deċiżjonijiet jittieħdu fil-qrib tan-nies.

Il-PL bl-istess argumenti ta’ 22 sena ilu
Il-Partit Laburista fl-1993, illum fil-Gvern, kien kontra l-kunċett tal-Kunsilli Lokali meta kienet saret kritika u oppożizzjoni mill-esponenti tal-Partit Laburista għall-kunċett tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna.

B’riferenza għad-dibattitu li kien sar 22 sena ilu, kien issemma li l-Kunsilli Lokali kienu ħela ta’ flus, l-istess raġuni li ġab il-Partit Laburista llum fil-Gvern biex jitħassru l-elezzjonijiet tal-2017. Semma wkoll li kien hemm argumenti oħran li l-Kunsilli Lokali se jġibu l-firda. Irrimarka li dan seħħ biss f’eċċezzjonijiet, għaliex il-Kunsilli Lokali taw il-massimu biex il-lokalitajiet jimxu ‘l quddiem.

Kien hemm argumenti wkoll li Malta hi żgħira u m’għandniex bżonn il-Kunsilli Lokali, u Kunsilli għal kull lokalità. Fisser li l-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Eddie Fenech Adami, ma beżax jitlaq il-poter minn idejh u ressaq liġi biex jitlaq parti mill-poter biex jgħaddih f’idejn in-nies eletti fil-lokalitajiet. Lanqas ma beża’ li jkompli jżid ir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli Lokali.

Ebda poter u responsabbiltà ġdida mill-PL lill-Kunsilli.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex qal li fl-aħħar 22 sena, kellna l-Partit Laburista li kien fil-Gvern għal erba’ snin, il-Gvern qasir ta’ Alfred Sant u s-sentejn ta’ dan il-Gvern ta’ Muscat. F’dawn l-erba’ snin ma ngħata ebda poter u responsabbiltà ġdida u naqqas ukoll ir-riżorsi umani lill-Kunsilli.

Din hi differenza li tispikka bejn il-PN u l-PL. Il-PN mhux biss welled il-kunċett tas-sussidjarjetà iżda ta responsabbiltà tal-finanzi u r-riżorsi lill-Kunsilli Lokali. Il-PL mhux biss kien kontra, iżda kull meta kien fil-Gvern dejjem qagħad lura.
B’rabta mal-proposti li qiegħed iressaq illum il-Gvern fil-Parlament, l-Oppożizzjoni hi kontra l-emendi li jħassru l-elezzjonijiet fl-2017 u li jpoġġu l-elezzjonijiet kull ħames snin flok erba’ snin.

Fakkar li sena ilu, fil-weekend ta’ wara l-elezzjonijiet tal-MEPs, il-Prim Ministru Muscat f’attività politika sostna li l-PL jsostni li għandhom jiġu kkanċellati l-elezzjonijiet tal-2015 u tal-2017. Fost ir-raġunijiet li ġab kien li l-poplu għejja bl-elezzjonijiet, u li l-elezzjonijiet qed jiswew ħafna flus.

Għal din il-pożizzjoni tal-Prim Ministru, l-Opożizzjoni esprimiet fehma kontra b’mod qawwi u Muscat kien ikkritikat mill-media, mis-soċetà ċivili u anke kunsilliera eletti f’isem il-PL. Wara din il-kritika kien hemm u-turn u ddikkjara li l-elezzjonijiet se jsiru kif saru din is-sena, iżda baqa’ jsostni li ma jsirux l-elezzjonijiet programmati fl-2017.

Chris Said fisser li nofs il-Kunsili Lokali, 34, imisshom elezzjoni fl-2017. Fakkar li meta l-elettorat mar jivvota, ivvota għal Kunsill ta’ erba’ snin. Issa l-Gvern qiegħed jgħid li dawn il-Kunsilli se jibqgħu għal sitt snin.

Sejjaħ dan bħala logħba perikoluża tad-demokrazija għaliex l-elezzjoni hi għodda importanti f’idejn l-elettorat u m’għandu jkun hemm ebda tbagħbis ma’ dawn l-elezzjonijiet.

Kien qal ukoll li l-Prim Ministru ried ifaddal il-flus u jgħaddihom lill-Kunsilli Lokali. Kieku ried ifaddal il-flus, saħaq Chris Said, seta’ m’għamilx il-qassata tal-Cafè Premier fejn ħareġ €4.2 miljun u minflok kien jgħaddihom lill-Kunsilli Lokali.

Chris Said irrimarka wkoll li wara l-oppożizzjoni li kellu l-Gvern anke mis-soċjetà ċivili, nieda malajr proċess ta’ konsultazzjoni u fi ftit ġimgħat daħlu madwar 40 sottomissjoni. Qabbel dan il-proċess ta’ konsultazzjoni mal-eżerċizzju ta’ tiġdid li kien sar wara 15-il sena ta’ Kunsilli Lokali. Dakinhar, Gvern Nazzjonalista kien wettaq emendi sostanzjali wara sena ta’ konsultazzjoni u wara li l-Gvern irċieva 15,000 sottomissjoni.

Ikkritika wkoll lill-Gvern li llum qed jilgħab mal-proċess elettorali għaliex m’hemm ebda emenda li se tagħti saħħa lill-Kunsilli Lokali iżda biss li jħassar l-elezzjonijiet ta’ sentejn oħra.

Semma li emenda biex il-Kunsilli Lokali jitwalu għal erba’ snin, iddaħħlet fl-2010 bi qbil unanimu bejn Gvern u Oppożizzjoni għaliex dan kien perjodu ġust u tajjeb għall-Kunsilil Lokali u għar-residenti.

Dan il-kunċett kien wassal ukoll biex l-elezzjonijiiet ma jibqħux isiru kull sena u jibdew isiru kull sentejn fejn jivvutaw nofs il-Kunsilli f’Malta u f’Għawdex. U dan wara li kien hemm qbil li l-Kunsilli Lokali saru esperjenza u kienu tejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet.

Il-Gvern irid ikisser il-prassi li kull tibdil fl-elezzjonijiet isir b’kunsens
Saħaq ukoll li dan il-Gvern irid ikisser ukoll il-prassi li kien hemm li kull tibdil fl-elezzjonijiet isir bi qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni. Dan hu wkoll messaġġ li għax gvern ikollu maġġoranza, jista’ jiġi fil-Parlament u jipposponi elezzjonijiet.

B’riferenza għall-parteċipazzjoni tal-elettorat fl-elezzjonijiet lokali tax-xahar li għadda, Chris Said fisser li jekk jitneħħew il-barranin u jitqiesu l-Maltin, kien hemm turnout ta’ 85% fl-elezzjonijiet lokali u l-Gvern jibqa’ jgħid li l-poplu għejja jivvota. Semma wkoll kif fl-2017 il-Gvern se jkun qed iċaħħad ukoll mid-dritt li jivvutaw iż-żgħażagħ ta’ 16.