Internazzjonali Xjenza u Teknoloġija

Messaġġ partikolari qed iwaħħal l-iPhones

Difett fl-iOS tal-Apple qed iwassal biex messaġġi li jintbagħtu minn iPhone għal iPhone jwaħħlu t-telefon ċellulari, iġagħluh jintefa waħdu u saħansitra jagħmel reboot.

Apple kkonfermaw li hemm messaġġ partikolari li qed iwaħħal is-sistemi operattivi u li qed jagħmlu minn kollox biex joħolqu mod biex jilqgħulu.

Il-messaġġ, li dwaru hemm diversi kummenti fuq il-midja soċjali, jinkludi l-kelma “Power” u fih karattri bl-Għarbi u Ċiniżi. Qed iwaħħal l-iktar dawk l-iPhones li jużaw is-sistema operattiva 8.3.

Ħafna daru għall-midja soċjali biex juru l-frustrazzjoni tagħhom għall-effetti ta’ dan il-messaġġ, li uħud saħanistra rrappurtaw li ħarbtilhom il-mod kif jaħdem l-iPhone tagħhom.

Skont l-Apple, l-effett tal-bug jista’ jiġi kkanċellat jekk il-persuna li tkun bagħtet l-ewwel messaġġ terġa’ tibgħat l-istess messaġġ bit-tieni wieħed jikkanċella l-effett tal-ewwel wieħed. B’mod alternattiv, tibgħat lilek innifsek messaġġ minn kompjuter Mac, messaġġ minn Siri jew messaġġ b’ritratt u awtomatikament jirriversja l-effett tal-ewwel messaġġ.