“Bħala artisti li nesponu x-xogħol tagħna fil-pubbliku, aħna fid-dmir li nesprimu pubblikament l-opinjoni tagħna speċjalment f’issues li għandhom x’jaqsmu mas-soċjetà u dak kollu madwarna, li jispirana. Huwa għalhekk li qed ningħaqdu biex inwasslu l-messaġġ tagħna li l-pjan tal-Gvern li jiżviluppa proġett infrastrutturali fis-sit taż-Żonqor ġewwa Wied il-Għajn ikun żball kbir”.
Hekk intqal fi stqarrija iffirmata minn numru ta’ artisti lokali li tkellmu b’mod ċar kontra kull tip ta’ żvilupp fuq art ODZ.
Fl-istqarrija, l-artisti qalu li ż-Żonqor huma inħawi mill-isbaħ u l-ġmiel ta’ dan il-post jinsab fil-fatt li huwa wieħed mill-ftit postijiet li baqgħu mhux mittiefsa. Il-veduti tal-baħar minn dan il-post huma mill-iżjed naturali li l-ebda post ieħor ma joffri bħalhom. Huwa wieħed mill-ftit postijiet fejn wieħed għad jista’ jmur u jgawdi ftit ambjent fil-kwiet.
“Inħossu li Wied il-Għajn hija lokalità li m’għandhiex bżonn dan il-proġett li jservi biss ta’ preċedent għal aktar bini u żvilupp u li jkun ta’ benefiċċju biss għal ftit spekulaturi. Wied il-Għajn huwa wieħed mill-ftit irħula żgħar ħdejn xatt il-baħar li għad fadal. Proġett bħal dak li qed jitqies mill-Gvern ifisser biss il-qerda ta’ dak kollu li għadu jagħmel minn Wied il-Għajn, post uniku”.
L-artisti jgħidu illi lil hinn mill-aspett ambjentali, lil hinn ukoll mill-fatt li għandna dubji serji kemm dan il-proġett ser ikun verament wieħed ta’ natura ‘edukattiva’, “qed nesprimu wkoll id-diżapprovazzjoni tagħna għall-mod kif siti ODZ issa qed isiru eliġibbli għall-iżvilupp b’mod daqshekk faċli”.
Għalhekk l-artisti qed jopponu l-pjan tal-Gvern għal dan il-proġett fiż-Żonqor u qed jieħdu pożizzjoni magħquda sabiex itennu li kull żona ODZ għandha tkun imħarsa minn kull żvilupp.
Fl-aħħar ħinijiet anke’ l-Moviment Graffiti wkoll ingħaqad mal-organizzazzjonijiet li tkellmu kontra l-proposta ta’ żvilupp tal-inħawi taż-Żonqor f’Wied il-Għajn, waqt li laqa’ t-twaqqif ta’ Front Ħarsien ODZ.
//= $special ?>