Lokali

Aġġornata : Aktar problemi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – Priġunieri jissoktaw bi strajk tal-ġuħ, jallegaw diskriminazzjoni

Is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qegħda tkompli tbaqbaq bi priġunieri f’Diviżjoni Tnejn ikomplu jallegaw li qed issir diskriminazzjoni mit-Tmexxija tal-Ħabs u l-Gwardjani fl-attaġġjament tagħhom lejn il-priġunieri li mhumiex kollha trattati bl-istess mod.

Dan qed iwassal biex numru ta’ priġunieri f’Diviżjoni Tnejn matul din il-ġimgħa bdew strajk tal-ġuħ u qed ikomplu jirrifjutaw milli jieklu l-ikel li jingħatalhom.

Sorsi li tkellmu magħna fissru li l-priġunieri kien ilhom iwissu li l-affarijiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ma tistax tibqa’ kif kienet bit-Tmexxija tal-Ħabs u uħud mill-Gwardjani sfaċċatament jiddiskriminaw fil-konfront tal-istess priġunieri fejn uħud minnhom jingħataw trattament preferenzjali u oħrajn jingħataw trattament inqas preferenzjali.

Kien għalhekk li xi priġunieri f’Diviżjoni Tnejn bdew jagħmlu dan l-istrajk tal-ġuħ u magħhom sussegwentement ingħaqdu aktar priġunieri biex hekk jagħmlu pressjoni fuq it-Tmexxija tal-Ħabs u fuq il-Gwardjani kollha biex jitrattawhom ilkoll l-istess u mingħajr diskriminazzjoni.

Is-sorsi li tkellmu magħna fissru li ma hux aċċettabbli l-mod kif qed jingħata x-xogħol. Ikun hemm priġunieri li jingħataw ix-xogħol minkejja li għandhom każi relattivament kbar pendenti, filwaqt li oħrajn ma jingħatawx xogħol minkejja li l-każi tagħhom huma ferm inqas minn tal-ewwel.

Is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korrettiva tal-Kordin kulma jmur qed issir waħda dejjem aktar diffiċli u l-priġunieri qed jinsistu li l-affarijiet fil-konfront tagħhom jitranġaw u ma jibqgħu sejrin minn ħażin għall-agħar sal-punt li matul din is-sena saħansitra fil-Ħabs kien hemm diversi każi ta’ allegat swat ta’ priġunieri.

Fi stqarrija wara li l-istorja kienet pubblikata fuq maltarightnow.com, il-Gvern qal li tliet residenti li nstabu pożittivi għal xi sustanza f’waħda mir-random testing li jsiru fuq ir-residenti, ġew trasferiti f’Diviżjoni ta’ confinement u għar-raġunijiet ta’ sigurtà twaqqfu b’mod temporanju minn ħidma li kienu qegħdin jagħmlu f’din il-Faċilità.

Il-Gvern qal li wara dawn il-passi dixxiplinarji, ir-residenti ilhom mill-biraħtlula jirrifjutaw l-ikel. Preżentament, dawn jinsabu f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba u qegħdin jiġu segwiti mill-istaff mediku tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.