Il-Pulizija fil-Brażil qalu li Brażiljan bl-isem Evany Jose Metzker, li kien imexxi blog popolari fuq l-Internet, spiċċa maqtul brutalment minn aggressuri li ttorturawh qabel qatgħulu rasu.
Metzker, ġurnalista indipendenti ta’ 67 sena, kien jinvestiga l-prostituzzjoni tat-tfal, it-traffikar tad-droga u l-politiċi korrotti. Il-katavru tiegħu instab mill-pulizija fl-Istat ta’ Minas Gerais fejn kien hemm provi biżżejjed li hu kellu jgħaddi minn ‘tortura terribbli’ sakemm inqatel.
L-unjoni tal-ġurnalisti Brażiljani kkundannat l-omiċidju u ħeġġet biex l-awtoritajiet Brażiljani jagħmlu l-investigazzjonijiet xierqa biex isibu lin-nies responsabbli.
Mifhum li Metzker kien imwissi ‘minn qabel’ dwar il-periklu involut fl-investigazzjonijiet tiegħu dwar il-prostituzzjoni tat-tfal u l-attivitajiet tad-droga ġo reġjon partikolarment vjolenti tal-Brażil. Intant, hu kien dam nieqes ħamest ijiem qabel il-katavru tiegħu instab (bl-idejn u s-saqajn marbutin) qrib il-belt ta’ Padre Paraiso. Il-familja tal-ġurnalista qalet li l-pulizija kienu ħadmu fuq biċċa informazzjoni ‘anonima’ biex setgħu isibu l-katavru ta’ Metzker.
//= $special ?>