Internazzjonali

Ċiniżi akkużati bħala ‘l-ixprun ta’ sistema qarrieqa’ waqt l-eżamijiet fl-Istati Uniti

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan akkuża 15-il Ċiniż bl-iżvilupp ta’ skema qarrieqa li ppermettiet biex ‘impusturi’ jagħmlu l-eżamijiet għad-dħul fl-università, minflok l-istudenti intitolati.

Il-Prosekuturi spjegaw li s-suspettati użaw passaporti foloz biex iqarrqu bl-amministraturi u persuni oħrajn setgħu jagħmlu l-eżamijiet minflok l-istudenti li kienu eliġibbli għalihom. L-iskema kienet effettiva bejn l-2011 u din is-sena, u l-maġġoranza tal-każi seħħew fil-Punent ta’ Pennsylvania.

Iċ-Ċiniżi akkużati jistgħu jiffaċċjaw sa 20 sena ħabs jekk jinstabu ħatja.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan qal li l-impusturi involuti fl-iskema għamlu l-eżami ta’ ‘Scholastic Aptitude Test’ (SAT) – li fl-Istati Uniti hu l-eżami ewlieni għad-dħul fl-università. Kien hemm ukoll min ħa post l-istudenti proprji waqt it-‘Test of English as a Foreign Language’ u l-‘Graduate Record Examination’ (GRE).

“M’hemmx dubju li dawk li bbenefikaw mill-iskema kienu ammessi fl-Ogħla Istituzzjonijiet tat-Tagħlim Amerikani fuq bażi qarrieqa,” qal David Hickton, li hu l-Avukat għall-Western District ta’ Pennsylvania. Il-prosekutur kompla li l-istudenti qarrqu wkoll dwar il-ħtiġiet għall-visa billi użaw il-passaporti foloz taċ-Ċiniżi.

John Kelleghan, li hu l-Aġent Speċjali għall-Investigazzjonijiet tas-Sigurtà Interna (Homeland) f’Philadelphia, qal li dawn l-istudenti mhux biss daħlu l-università bil-frodi iżda qarrqu wkoll bis-sistema tal-immigrazzjoni tal-Istati Uniti.