Lokali Qorti

€150 f’kumpens għax inżamm arrestat għalxejn

Il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija jħallas €150 f’kumpens lil Darryl Luke Borg talli nkisru d-drittijiet tal-bniedem meta għamel tlett ijiem arrestat għalxejn waqt li kien inġustament akkużat b’hold-up f’ħanut tal-ħelu f’Awwissu tal-2013.

L-avukati David Camilleri u Joseph Gatt, li dehru għal Borg, iddeskrivew is-somma bħala “minima” imma spjegaw li se jirrikorru għall-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Esprimew soddisfazzjon li l-Qorti, ippreseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u mill-imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri, irrikonoxxew li d-drittijiet ta’ Borg inkisru.

Id-deċiżjoni tal-lum tal-Qorti tbiddel dik meħuda f’Lulju li għadda mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili li kienet stabbiliet li l-Pulizija m’aġixxewx b’negliġenza meta ressqu lir-raġel ta’ 27 sena l-Qorti b’akkużi dwar is-serqa bl-użu tal-armi. Dakinhar, iż-żewġ Pulizija li ressqu lil Borg kienu ġew iġġustifikati li ttrattawh bħala suspettat.

Is-serqa kienet saret fit-8 t’Awwissu tal-2013 f’The Convenience Shop fi Triq il-Mons. Alfred Mifsud f’Birkirkara. L-ispetturi Joseph Mercieca u Carlos Cordina kienu arrestaw lil Borg wara li ngħatatilhom informazzjoni kunfidenzjali li kien il-ħati. Borg kien tressaq il-Qorti l-għada u nżamm arrestat.

Jumejn wara, l-ispettur Elton Taliana ressaq lil Roderick Grech, ta’ 22 sena minn Birkirkara, b’arrest bl-istess akkużi wara li Grech kien ammetta u ta lill-Pulizija l-balaklava u l-arma li kien uża fis-serqa. L-avukati ta’ Borg saħqu li l-Pulizija m’aġixxietx b’mod immedjat u li b’riżultat t’hekk, il-klijent tagħhom spiċċa arrestat għal tul ta’ ħin għalxejn.