Skwadra speċjali ta’ arkivisti ntbagħtu fl-Arkivji Nazzjonali tal-Istati Uniti f’Washington biex jeżaminaw mal-40,000 dokument Federali meqjus top secret li jittrattaw il-qtil tal-President Amerikan John F Kennedy fl-1963.
Dawn id-dokumenti s’issa qatt ma ġew ippubblikati u parti minnhom għandhom jitressqu għall-attenzjoni tal-pubbliku, skont il-liġi sa Ottubru tal-2017, jekk il-President attwali tal-Istati Uniti ma jkunx hu li jopponi personalment.
L-Istati Uniti kienet għaddiet liġi fl-1992 li kienet iffissat għal 25 sena t-terminu ta’ skadenza tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti, anke jekk aġenziji tal-Gvern jistgħu jappellaw direttament lil min ikun jokkupa l-kariga ta’ President tal-Istati Uniti fl-2017 jekk jaħsbu li xi dokumenti għandhom jibqgħu jinżammu sigrieti.
Riċerkaturi u akkademiċi li dejjem sostnew li kien hemm kumplott biex jinqatel JFK qed jibżgħu propju minn din il-possibiltà. Martha Murphy, mill-Arkivji Nazzjonali, qalet li d-dipartiment se jagħmel dak kollu possibbli biex dawn id-dokumenti jkunu pubbliċi u dan hu l-uniku objettiv tagħha. Imma spjegat li hemm limitazzjonijiet għas-saħħa li għandha hi u li l-President tal-Istati Uniti għandu d-dritt li jżomm ċertu informazzjoni sigrieta għal żmien iktar twil.
//= $special ?>