Internazzjonali

Għalliem li abbuża lill-bniet jingħata l-mewt fiċ-Ċina

L-Ogħla Qorti taċ-Ċina qalet li pproċediet bl-eżekuzzjoni ta’ għalliem ta’ skola primarja li nstab ħati dwar l-istupru u l-abbuż sesswali ta’ 26 tifla.

L-għalliem, Li Jishun, wettaq ir-reati bejn l-2011 u l-2012 meta hu kien qed jgħallem fi skola f’villaġġ fil-provinċja ta’ Gansu. L-istqarrija mill-Qorti tal-Poplu Suprema qalet li l-għalliem kien jisfrutta lil bniet li kellhom bejn erba’ snin u 11-il sena, u li fil-mira tiegħu kien ikollu speċifikament bniet kwieti u timidi.

L-istess stqarrija, li kienet irrappurtata fl-istampa Ċiniża, qalet li fiċ-Ċina, fl-aħħar snin, seħħew iktar minn 7,000 każ ta’ abbużi tat-tfal, hekk kif l-awtoritajiet qed jinnutaw żieda f’dawn il-każi.