Ambjent Lokali

Graffiti kontra l-iżvilupp fiż-Żonqor

Iż-Żonqor - wieħed miż-żewġ siti tal-Universita' Amerikana

Il-Moviment Graffiti wkoll ingħaqad mal-organizzazzjonijiet li tkellmu kontra l-proposta ta’ żvilupp tal-inħawi taż-Żonqor f’Wied il-Għajn, waqt li laqa’ t-twaqqif ta’ Front Ħarsien ODZ.

Il-moviment iddikjara li għandu “oppożizzjoni sħiħa għal dan il-proġett fuq art ODZ” waqt li sostna li se jagħmel ħiltu kollha biex ma jitwettaqx proġett ieħor inaċċettabbli li jkompli jeqred l-ambjent naturali Malti. Sostna li dan għamlu tul l-aħħar 20 sena.

Graffiti ħeġġeġ lil dawk kollha li huma kontra bini fiż-Żonqor biex jissieħbu mal-Front Ħarsien ODZ waqt li spjega li moviment qawwi u magħqud biss jista’ jipproteġi l-ambjent minn żviluppaturi rgħejba u l-klassi politika tal-pajjiż “li qed tibqa’ għaddejja minn fuqna filwaqt li teqred l-ambjent naturali tagħna”.

Il-moviment qal li hu kontra li art pubblika tingħata lill-privat, bħal ma ġara f’Portomaso u fi SmartCity, u saħaq li l-iżvilupp propost fiż-Żonqor “mhu xejn ħlief iktar ħtif ta’ spazji pubbliċi, din id-darba għall-interessi u l-profitti ta’ Sadeen”.

Saħaq li xejn ma juri li l-proġett se jkun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet lokali jew għal Malta b’mod ġenerali waqt li wissa li bil-maqlub, jista’ jwassal biex il-ħajja fil-madwar togħla. Qal li l-proġett edukattiv se jkun limitat biss għal minoranza ta’ familji sinjuri u li żvilupp fl-edukazzjoni jista’ jseħħ biss meta investiment iwassal għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulħadd u b’xejn, li hu bil-maqlub ta’ dak propost minn Sadeen.