Lokali

Il-lecturers imħassba dwar l-Universita’ il-ġdida f’Marsascala

L-għalliema tal-Universita’ ta’ Malta huma mħassba li l-universita’ ġdida li l-Gvern irid li tinbena fiż-Żonqor minn investituri tal-Ġordan.

Dan ħareġ waqt laqgħa oħra minn sensiela li l-Oppożizzjoni qed tagħmel fl-Universita’ ta’ Malta, fejn minkejja li din se tiġi affettwata minn unviersita’ ġdida, ma saret l-ebda konsultazzjoni mill-Gvern.

Wara li ftit jiem ilu saret laqgħa mal-istudenti u l-għaqdiet li jirrappreżentawhom, fil-laqgħa tal-Ġimgħa, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, akkumpanjat minn numru ta’ deputati tal-Oppożizzjoni, iltaqa’ mal-lecturers.

Tħassib ieħor hu wkoll għall-fatt li l-Gvern Laburista naqqas ir-rikjesti legali biex titwaqqaf universita’ ġdida u għalhekk hemm riskju li tonqos ukoll il-kwalita’ tal-edukazzjoni offruta.

Inkwetanti wkoll li bit-tibdil li sar, il-gvern għandu l-poter jiddeċiedi jekk universita’ tissodisfax il-kriterji abbażi ta’ interess nazzjonali.

Fid-diskors tagħha lil-lecturers, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Therese Comodini Cachia fakkret li jeżistu iktar mistoqsijiet milli tweġibiet għaliex il-ftehim għadu ma’ ġiex ippublikat.

Staqsiet jekk hux se jkun hemm level playing field għal entitajiet edukattivi oħra, jekk il-Gvern hux kommess li jagħti għajnuna simili lil dawn l-entitajiet, jekk hux se jkompli jinvesti f’dawn l-entitajiet u jekk dawn hux se jsiru iktar indipendenti.

Qalet li t-tħassib tal-Oppożizzjoni hi fuq l-istandards governattivi, edukattivi, ekonomiċi kif ukoll fuq jekk dan hux se jkun żvilupp sostenibbli.