Lokali

Il-wegħda tal-Gvern li jeqred id-droga fil-ħabs falliet – PN

B’referenza għall-istqarrija tal-Gvern aktar kmieni llum, il-Partit Nazzonalista qal li din tikkonferma kemm il-wegħda tiegħu li jeqred darba għal dejjem id-droga mill-ħabs, falliet.

L-Oppożizzjoni fakkret li Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu – kemm fl-Oppożizzjoni u anke fil-Gvern – wegħdu li se jeqirdu d-droga mill-ħabs “darba għal dejjem”. Joħroġ ċar li anke hawn, Muscat falla.

L-Oppożizzjoni fl-istqarrija tinnota l-aħbar tal-llum fejn tlett priġunieri nstabu pożittivi għad-droga fil-ħabs. Jidher li lil hinn mill-ħafna paroli u wegħdi ta’ gwerra fuq id-droga, illum fil-ħabs għad hemm problema kbira ta’ droga li tidħol b’mezzi lleċiti u tispiċċa kkunsmata mill-priġunieri. Għal dan, għandu ħafna xi jwieġeb il-Gvern u l-Ministru Carmelo Abela li għandu jassigura li persuni li għandhom problema ta’ dipendenza fuq droga jingħataw l-għajnuna li għandhom bżonn u jara li min qed idaħħal id-droga fil-ħabs jinqabad u jitressaq il-Qorti, sostniet l-Oppożizzjoni.