Futbol Sport

Illum l-elezzjoni, fl-isfond ta’ akkużi serjissimi ta’ korruzzjoni

Illum se ssir l-elezzjoni għal President tal-FIFA – il-federazzjoni dinjija tal-futbol – hekk kif ilbieraħ beda jiltaqa’ l-Kungress annwali ta’ din l-organizzazzjoni. Imma l-President attwali Sepp Blatter, li wara 17-il sena fit-tmun qed ifittex il-ħames terminu tiegħu fit-tmexxija u huwa mill-ġdid kandidat għall-kariga, jinsab taħt pressjoni biex jirriżenja wara l-iskandlu li faqqa’ jumejn ilu meta d-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikan talab l-estradizzjoni ta’ numru ta’ uffiċjali għolja, fosthom uffiċjali tal-FIFA li ġew arrestati fl-Iżvizzera, biex jiffaċċjaw akkużi ta’ korruzzjoni fl-Istati Uniti. Fosthom hemm il-Viċi President attwali tal-FIFA imma l-lista ma tinkludix lil Blatter.

Minkejja dan, wara laqgħa urġenti tal-konfederazzjonijiet internazzjonali tal-futbol dinji dwar din il-kriżi lbieraħ fi Zurich, saru sejħiet għar-riżenja ta’ Blatter mill-President tal-UEFA Michel Platini u anke mill-PM Ingliż David Cameron. Għall-kuntrarju, il-President Russu Putin iddikjara l-appoġġ tiegħu lil Blatter u għamel l-akkuża li dan hu attentat tal-Gvern Amerikan biex iwaqqaf lil Blatter, li fl-elezzjoni tal-lum qed jiġi kontestat mill-Prinċep Ali bin al-Hussein.

(Ritratt: EPA)