Fl-iskola sekondarja tal-bniet tal-Imrieħel sar it-tberik tal-klassijiet wara rapporti li t-tfajliet li jattendu din l-iskola ppruvaw il-logħba ‘Charlie Charlie’.
Iktar kmieni għalliema li tkellmet ma’ Maltarightnow dwar din il-logħba popolari li ħafna, b’mod speċjali tfal, qed jippruvaw fl-aħħar jiem qalet li l-istudenti huma mwerwrin.
Dan għaliex Charlie Charlie tixbah ħafna lil Ouija board fejn ikollok karta maqsuma f’erba’ sezzjoni, bil-kliem Iva u Le, u żewġ lapsijiet poġġuti fuq xulxin. Min jilgħab din il-logħba imbagħad jistaqsi l-mistoqsija: “Charlie Charlie qiegħed hawn?” jew “Charlie Charlie nistgħu nilgħabu logħba?”
Hekk kif wieħed jistaqsi dil-mistoqsija, il-lapes jibda jdur u jmur fuq l-Iva jew il-Le.
Malli din il-logħba bdiet tieħu l-popolarita’, malajr xterdet l-istorja li min jilgħab din il-logħba jkun qed jevoka xitan Messikan. Jekk il-lapes imur fuq l-Iva, dak li jkun ikompli jistaqsi l-mistoqsijiet għaliex inkella dan ix-xitan ikompli jippersegwitak.
Imma fil-verita’ teżisti spjegazzjoni għal dan il-fenomenu, il-forza tal-gravita’ li tikkawża l-iċken żiffa biex iċċaqlaq il-lapsijiet li huma żbilanċjati fuq xulxin.
Biża u paniku anke’ f’Malta
Din il-logħba u l-istejjer kollha dwar ix-xjaten marbuta magħha wasslu biex inħolqot biża’ fost it-tfal li ppruvawha u paniku fost il-ġenituri tagħhom tant li fl-aħħar jiem kienu ħafna dawk li tkellmu ma’ xi qassis jew għalliema fl-iskejjel.
F’kummenti lil dan is-sit, għalliema spjegaw li l-istudenti tkellmu magħhom dwar din il-logħba u dehru mpressjonati. Ġenituri saħansitra qalulna li uliedhom talbuhom jorqdu magħhom, xi ħaġa li qatt ma kienu għamlu qabel.
Filfatt fl-aħħar jiem il-Kulleġġ De La Salle saħansitra bagħat email lill-ġenituri jwissuhom biex jaraw dak li uliedhom ikunu qed jagħmlu fuq il-kompjuter u jiggwidawhom dwar il-konsegwenzi ħżiena ta’ logħob bħal dawn.
Fuq Facebook, numru ta’ qasisin appellaw lin-nies biex ma jilgħabux ma’ dawn l-affarijiet u jekk huma mħassba li l-logħba ħadmet, jitolbu adult biex jitolbu flimkien.
//= $special ?>