Il-PN determinat li ssir ġustizzja mar-rieda demokratika tal-elettorat
Il-Partit Laburista llum irnexxielu jimmanipula s-sistema legali biex jaħli l-ħin ħalli l-ġustizzja ddum ma ssir. Iżda “justice delayed is justice denied” u aktar ma ddum ma ssir il-ġustizzja, aktar se tkompli tiġi sfidata r-rieda demokratika tal-poplu.
Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, li qal li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell tfisser li l-Partit Laburista rnexxielu jaħli ż-żmien biex il-ġustizzja ma ssirx. Għal dan il-ħela ta’ żmien qed iħallas il-poplu Malti li, sentejn wara l-elezzjoni, għad għandu żewġ rappreżentanti f’isem l-Oppożizzjoni nieqsa mill-Parlament.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit Laburista, bħall-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi, kien jaf mill-bidu li hemm kawża dwar l-iżbalji fl-għadd tal-voti fl-elezzjoni ġenerali, li wasslu għal żewġ siġġijiet anqas għall-Oppożizzjoni. Madankollu, il-Partit Laburista għamel kulma seta’ biex itawwal il-proċess kemm jista’ u kien biss wara li ngħatat is-sentenza tal-ewwel Qorti li l-Partit Laburista qam mill-gallarija u appella biex jidħol fil-kawża. Dan għamlu biex ikompli jtawwal il-kors tal-ġustizzja.
B’konsegwenza ta’ dan, diġà ntilfu aktar minn sentejn minn ħamsa, li fihom l-Oppożizzjoni suppost għandha żewġ siġġijiet aktar fil-Parlament. Jum wara l-ieħor, il-Partit Laburista qed jerġa jsir ta’ theddida għad-demokrazija f’pajjiżna, sostna l-Partit Nazzjonalista.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ determinat li ssir ġustizzja mar-rieda demokratika tal-elettorat, li suppost għandu żewġ rappreżentanti oħra fil-Parlament f’isem l-Oppożizzjoni.
//= $special ?>