Internazzjonali

Kunsill tat-tribujiet se jaħdem għall-ġid tal-Libja

Il-Mexxejja tat-tribujiet tal-Libja waqqfu kunsill komuni li għandu jgħin isib soluzzjoni għall-kriżi kontinwa ta’ pajjiżu fuq aspetti differenti u b’mod partikolari fejn tidħol is-sigurta. L-aħbar ingħatat wara li l-Mexxejja kkonkludew laqgħa ta’ erbat ijiem fil-Kajr, il-belt kapitali tal-Eġittu.

L-istqarrija finali wara l-laqgħa kkonfermat it-twaqqif tal-Kunsill għat-Tribujiet Libjani li għandu jappoġġja lill-awtoritajiet leġittimi tal-Libja. Dan qed jitqies ukoll bħala referenza pożittiva għall-Gvern Libjan li għandu s-sede f’Tobruk u li jgawdi l-għarfien internazzjonali.

Intant, wieħed mill-kapijiet tat-tribujiet Libjani sejjaħ speċifikament biex il-Libjani jappoġġjaw lill-qawwiet armati ta’ pajjiżhom filwaqt li jikkonfrontaw it-terroriżmu.

Rapporti oħra mil-Libja qalu li ajruplani tal-gwerra tal-Gvern Libjan ibbażat fi Tripli – li hu r-rivali dirett tal-Amministrazzjoni f’Tobruk – attakkaw il-ġiħadisti tal-ISIS fil-belt ta’ Sirte u l-madwar.

L-ISIS, fl-aħħar xhur, sfrutta l-kaos u n-nuqqas tas-sigurta fil-Libja biex jikkonsolida l-preżenza tal-ġiħadisti tiegħu f’diversi bliet Libjani u meta l-Gvernijiet rivali tal-pajjiż għadhom qed jissieltu ma’ xulxin għall-poter.

Intant, rapporti minn Sirte, issa, qed jgħidu li l-ISIS irnexxielu jaħtaf l-ajruport tal-belt, fost indikazzjonijiet li l-ġiħadisti qed ikomplu javvanzaw fit-territorji tal-Libja.

Il-ġiħadisti tal-ISIS qalu wkoll li ħatfu kontroll ta’ proġett tal-ilma magħruf bħala The Great Man Made River water project. Dan il-proġett li jintuża għall-irrigazzjoni hu l-akbar tat-tip tiegħu fid-dinja u ilu s-snin jipprovdi l-ilma nadif lill-ibliet Libjani.