Lokali

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatri tappella biex il-protezzjoni tat-tfal issir prijorità nazzjonali

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pedjatri qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet Maltin biex iqisu l-ħarsien tat-tfal kontra kull forma ta’ trattament ħażin, bħala prijorità.

L-assoċjazzjoni għamlet dan l-appell fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali għall-Ħarsien tat-Tfal, li jitfakkar fl-1 ta’ Ġunju.

L-assoċjazzjoni rreferiet għal abbozz ta’ liġi dwar il-ħarsien tat-tfal speċjalment dawk li jgħixu barra mid-dar, li tressaq fil-Parlament iktar minn sena ilu. Waqt li saħqet li din il-liġi hi meħtieġa biex tagħti qafas legali, uriet id-dispjaċir tagħha li f’dan iż-żmien ma ngħatat ebda informazzjoni dwar jekk kienx hemm progress jew le dwar din il-liġi.

L-assoċjazzjoni qalet ukoll li din il-liġi hi waħda mill-iżviluppi meħtieġa biex Malta jkollha sistema li verament tista’ tgħin lit-tfal. Qalet li l-aġenziji li jiġbru professjonisti differenti fil-pajjiż isibu li l-liġijiet bħalissa ma jħalluhomx iwieġbu b’mod immedjat f’każ ta’ trattament mhux xieraq tat-tfal.

Ħeġġet ukoll iktar investiment biex jitjiebu u jissaħħu servizzi li jilqgħu għal każijiet hekk, fosthom fl-oqsma tas-saħħa u tal-kura soċjali. Semmiet il-ħtieġa ta’ iktar riżorsi umani u ta’ kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol li jistgħu jwasslu biex iktar ħaddiema jidħlu fil-linja ta’ social work.

Qalet li kien pass importanti li tinbidel il-liġi biex tipprojbixxi s-swat fiżiku imma sostniet li mingħajr edukazzjoni ċara, il-pubbliku mhux se jkun jaf eżatt l-obbligi li għandu biex iħares lit-tfal.

Qalet ukoll li professjonisti li jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż fl-aħjar interess tat-tfal, għandhom jingħataw protezzjoni quddiem il-liġi anke jekk b’riżultat ta’ investigazzjoni, l-allegat abbuż jirriżulta li ma jkunx hemm. L-assoċjazzjoni qalet li b’hekk, professjonisti jkollhom iktar setgħa biex jaħdmu f’dan il-qasam daqshekk delikat.