Lokali

L-ISTORJA TA’ NICO… Resident mhux tas-soltu f’San Blas

minn Joe Cassar

Kulħadd jaf li ċ-Ċentru għar-Riabilitazzjoni mid-Droga, li tmexxi l-Caritas f’San Blas, jilqa’ fih numru ta’ residenti li jkunu megħjuna jirriabilitaw ruħhom mill-vizzju tad-droga.

Li ma jafx kulħadd, imma, hu li minn ftit ġimgħat ilu ’l hawn, f’dan iċ-Ċentru kien hemm klijent mhux tas-soltu. Probabbli qatt ma kien hemm bħalu qabel. Hu wkoll kellu bżonn il-kura u l-imħabba biex jirkupra mill-problema tiegħu. Kwalitajiet sbieħ li l-istaff joffri ta’ kuljum lir-residenti. U dan ir-resident partikolari dawn il-kwalitajiet sabhom ukoll. Sab min jaċċettah. Min jikkurah. Fuq kollox, sab min iħobbu.

L-istorja ta’ Nico – il-kelb residenti fix-xelter ta’ San Blas – bdiet b’diżgrazzja li kellu meta waqa’ minn gallarija u weħel ġo shaft f’dar residenzjali. Weġġa’ serjament. Il-konsegwenzi għalih kienu tant gravi li sidu ddeċieda li ‘jraqqdu’ għax it-terapija u l-kura kienet se tinvolvi wisq xogħol u ħin.

niko 1

Eksresident f’San Blas inzerta fil-klinika fejn kien se jkun ‘imraqqad’ dan il-kelb u ħa l-inizjattiva li jċempel lill-ħabib tiegħu Jeff, li llum jagħmel parti mill-istaff tal-Caritas proprju f’dan iċ-Ċentru, bi sforz biex il-kelb ikun salvat. Jeff kien għen lil din il-persuna toħroġ mill-problemi li kienet fihom, u dan żamm il-kuntatt.

Jeff ukoll kellu problemi ta’ droga fil-passat. U talab l-għajnuna tal-Caritas biex ifiq. Imma sitt ġimgħat wara li daħal il-Caritas lil Jeff sabulu kanċer. “Kienet sfida doppja,” qalilna. “Ridt niġġieled il-vizzju u ridt niġġieled il-marda.”

Xejn ma kienet faċli. Imma Jeff kien determinat li jgħix. U hekk ġara. Fieq mill-kanċer u llum ilu 15-il sena mfejjaq mid-droga wkoll. Bniedem ġdid. Illum Jeff hu impjegat tal-Caritas u jaħdem bla waqfien biex jgħin persuni oħra joħorġu mill-problema tad-droga.

Hekk kif sema’ l-istorja tal-inċident li kellu l-kelb, Jeff waqaf jirrifletti. L-istint tiegħu li jgħin lil min hu fil-bżonn ma ħallihx kwiet. Tkellem ma’ xi residenti fix-xelter ta’ San Blas, u flimkien iddeċidew li lil dan il-kelb iġibuh hemm, fosthom, bl-impenn li jagħmlu minn kollox biex isalvawh. “Flimkien mar-residenti ta’ San Blas iddeċidejna li nadottaw lil Nico. U hekk għamilna.”
Mal-wasla tiegħu f’San Blas, Nico kien batut ħafna, magħlub immens għax ma bediex iżomm l-ikel u lanqas l-ilma. Kellu idu miksura u ma kellux saħħa biex jiċċaqlaq. Ma’ dawk li r-residenti jaħsbu fihom fit-talba ta’ filgħodu, issa żdied l-isem ta’ Nico. Ħabbewh tant li saħansitra bdew jitolbu għall-fejqan tiegħu.
Il-kura u l-imħabba li beda jirċievi l-kelb wasslu biex f’qasir żmien bdew jinnutaw titjib fis-saħħa tiegħu. Bdew jieħdu gost jinnutawh jaqleb għall-aħjar minn jum għall-ieħor.

Jeff qalilna li r-residenti tant saru jħobbuh lil Nico li wieħed minnhom kien wasallu ż-żmien li jitlaq minn San Blas u jmur id-dar u talab li jibqa’ hemm ftit ieħor sakemm jaċċerta ruħu li Nico kien imfejjaq għalkollox. Dan ir-resident saħansitra kien iraqqdu fl-istess sodda tiegħu lil Nico u billejl kien iqum jisqih u jagħtih il-kura li kellu bżonn.

Dan ir-resident jitkellem fuq il-kelb Nico bħallikieku qed jitkellem fuq ibnu jew bintu. Jgħid saħansitra li l-kelb bidlu anki spiritwalment għax tant kien iħoss għalih li beda jirrikorri għat-talb. “Minħabba Nico erġajt fittixt lil Alla u bdejt nitolbu jgħinu fil-fejqan tiegħu.”

Għaddew madwar xahrejn minn din l-istorja. Jeff jgħid li llum Nico “sar parti mill-familja tagħna. Jekk ir-residenti jgħidu t-talba ta’ filgħodu, jinġabar magħhom għall-kwiet. Jekk isir ħin il-kolazzjon, ikun l-ewwel wieħed li jistenna l-ikel ġej. Naqra ta’ kelb irnexxielu jġib ferħ u sodisfazzjon f’qalb dawn ir-residenti li salvawh u baqgħu jieħdu ħsiebu.”

U llum mawra f’San Blas ma tlaqqgħekx biss mar-residenti ta’ dan iċ-Ċentru u mal-istaff dedikat tal-Caritas. Illum tolqtok ukoll il-ġirja sabiħa ta’ Nico, li bit-tferfir ta’ denbu jkun l-ewwel wieħed li jdur ma’ kull min iżur il-post u bil-ġirja tiegħu donnu jrid iwassal messaġġ u jgħidilhom “araw kif fejquni bil-kura u l-imħabba tagħhom ir-residenti ta’ dan il-post. Ejjew nagħtuhom l-għajnuna u l-imħabba li għandhom bżonn biex huma wkoll ifiqu u joħorġu minn hawn persuni mibdula għall-ġid tagħhom u tas-soċjetà kollha.”

L-appell tagħna
La din l-istorja qed tidher proprju llum, ma nistax nispiċċaha mingħajr ma nagħmel appell lil min qed jaqra. Illejla l-programm ‘Xarabank’ fuq TVM se jkun qed jiġbor għall-Caritas, l-organizzazzjoni fi ħdan il-Knisja li tant tagħmel ġid lis-soċjetà Maltija mhux biss ma’ persuni bi problemi ta’ droga, imma ma’ bosta oħrajn b’numru kbir ta’ servizzi li toffri.
Is-servizz kollha li toffri l-Caritas huma bla ħlas. U għalhekk hija importanti t-telefonata bid-donazzjoni tiegħek illejla.