Il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel qalet li ma teskludix bidliet li jistgħu jsiru fil-futur għat-trattati tal-Unjoni Ewropea. Hi sostniet li għandha tkun sieħba kostruttiva tar-Renju Unit fl-impenji lejn l-implimentazzjoni ta’ riforma f’din l-Unjoni tal-Istati Ewropej.
Merkel qalet hekk wara taħditiet li kellha f’Berlin mal-Prim Ministru Britanniku David Cameron, li qed iżur il-pajjiżi tal-Ewropa biex jikseb appoġġ għall-bidliet li jrid li jseħħu fl-Unjoni Ewropea. Dan qabel ma r-Renju Unit jivvota f’referendum li jiddeċiedi l-futur tiegħu bħala membru tal-grupp ta’ pajjiżi.
Angela Merkel qalet li fl-opinjoni tagħha, ir-Renju Unit għandu jkompli bħala membru tal-UE u li jeżistu diġà fatturi komuni f’numru ta’ oqsma. Min-naħa tiegħu, Cameron qal li ma hemm l-ebda soluzzjoni maġika, iżda saħaq li wieħed jista’ jasal u jikseb ir-riżultati dment li jkun hemm rieda ġenwina.
Il-Kanċillier spjegat li l-Ġermanja u pajjiżi oħra tal-UE qed jieħdu ħsieb li ma jaqbżux ‘il-linja l-ħamra’ fi kwistjonijiet bħar-rispett għall-prinċipju tal-moviment ħieles. Madankollu hi qed tittama li tilqa’ d-domandi tar-Renju Unit sa fejn hu possibbli.
David Cameron irrepeta t-twemmin li l-bidliet fl-UE jistgħu jsiru biss bil-bidliet għat-trattati, meta numru ta’ pajjiżi Ewropej, fosthom Franza, qed jopponu dan. Intant, hu kompla li l-aktar ħaġa importanti tibqa’ ‘s-sustanza’ tar-riforma u mhux il-metodu li bih tkun attwata.
Il-Prim Ministru Britanniku anki uża l-okkażjoni f’Berlin biex jappella mill-ġdid għar-riżenja ta’ Sepp Blatter minn Kap tal-FIFA wara l-aħħar skandlu li riegħed id-dinja tal-futbol.
//= $special ?>