Mill-inqas erba’ persuni nqatlu fi splużjoni barra moskea tax-Xiti fil-belt ta’ Dammam, li tinsab fil-Provinċja tal-Lvant tal-Arabja Sawdija. L-uffiċjali f’din il-belt qalu li aggressur suwiċida spiċċa jtajjar karozza pakkjata bl-isplussivi, u l-grupp ISIS ħareġ stqarrija fuq il-media soċjali li fiha assuma r-responsabbiltà għad-dmija.
L-aggressur saq lejn zona quddiem il-moskea ta’ al-Anoud u x-xhieda fl-inħawi qalu li l-isplużjoni seħħet fi ftit sekondi waqt li l-qawwiet tas-sigurtà kienu qed javviċinaw il-vettura biex jispezzjonawha.
Fl-istqarrija tiegħu, l-ISIS qal li t-terrorista inkwistjoni kien suldat tal-Kalifat.
L-Arabja Sawdija qed tkun suġġetta għat-theddid mill-ISIS peress li tifforma parti minn koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti li qed tikkumbatti lill-ISIS fis-Sirja u l-Iraq.
Daqs ġimgħa ilu, kienu tilfu ħajjithom 21 persuna waqt attakk terroristiku simili fil-moskea ta’ Imam Ali, fil-villaġġ ta’ al-Qadeeh. Anki f’dan il-każ, l-ISIS kien ħareġ jassumi r-responsabbilta.
//= $special ?>

