Ambjent Lokali

Muscat mhux se jikkuntenta lil Marlene Farrugia

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jidher li mhux lest jikkuntenta lil Marlene Farrugia, li talbet li tingħata il-Ministeru tal-Ambjent biex tkun tista’ taħdem favur l-Ambjent u twaqqaf l-isfreġji ambjentali li qed jagħmel il-Gvern Laburista.

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara t-talba tad-Deputat Laburista, Muscat qal lill-ġurnalisti li hu kuntent bil-Ministru Leo Brincat. Għaldaqstant, ta x’jifhem li mhux se jagħmel tibdil. Mitlub mill-ġurnalisti biex jikkjarifika, il-Prim Ministru Muscat qal li d-deċiżjoni hi prerogattiva tiegħu.

B’reazzjoni għal dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li hu ovvju li l-Prim Ministru jkun kuntent b’Leo Brincat, bħala l-Ministru responsabbli mill-Ambjent, meta dan mhu jitkellem qatt kontra l-ebda deċiżjoni li qed jieħu l-Gvern kontra l-Ambjent.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-Ambjent biex il-Ħadd li ġej jattendu l-attività li se ssir fiż-Żonqor fl-10.30am. Qal ukoll li hu m’għandu l-ebda oġġezzjoni lanqas jekk għal din l-attività jattendu persuni mill-kamp Laburista, fosthom id-Deputat Marlene Farrugia.