Lokali

Pjanijiet u disinji għall-Farsons Business Park sottomessi għand il-MEPA

Il-kumpannija Simonds Farsons Cisk plc illum ħabbret żewġ żviluppi ewlenin. Matul il-laqgħa għal stockbrokers u analisti finanzjarji dwar ir-riżultati finanzjarji li tħabbru dan l-aħħar, iċ-Chairman tal-Grupp Louis A. Farrugia ħabbar li l-applikazzjonijiet tal-ippjanar ġew sottomessi llum mal-Awtorità ta’ Malta Dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dan effettivament ifisser li beda l-proċess biex tinkiseb l-approvazzjoni għall-iżvilupp ta’ Farsons Business Park.

Farrugia qal li l-kumpannija rrevediet l-istruttura interna tal-grupp u qed tippjana li tifforma kumpannija public limited liability separata u distinta biex fiha tqiegħed diversi propjetajiet li mhumiex parti min-negozju ewlieni tagħha, jiġifieri dak tal-ikel u x-xorb. Qed ikun ippjanat li din il-kumpannija titwaqqaf fl-2017.

Il-proġett tal-business park qed ikun iddisinjat minn Ian Ritchie Architects Ltd, kumpannija internazzjonali ta’ periti, bl-appoġġ ta’ TBA Periti, kumpannija ta’ inġiniera bbażata Malta, u mgħejjuna minn tim multi-dixxiplinarju ta’ esperti u konsulenti Maltin u internazzjonali.

Ix-xogħol fuq il-proġett qed ikun ippjanat li jibda f’nofs l-2016 u jitlesta sal-aħħar tal-2020. Meta jitlesta l-proġett, il-Grupp mistenni li jkun investa mal-€40 miljun u jkun jinkludi aktar minn 18,000 metru kwadru ta’ uffiċini, ’il fuq minn 1,200 metru kwadru ta’ zoni għall-ikel u x-xorb, 800 metru kwadru għall-akkademja tal-birra, attrazzjoni għall-viżitaturi u ‘Cisk Sky Bar’ uniku.