Annimali abbandunati fit-toroq tal-Emirati Għarab Magħquda se jibdew jingħataw ġkieket florexxenti bit-tama li jitnaqqsu l-inċidenti.
L-iskema se titnieda f’Umm al-Quwain, li hu l-Emirat bl-inqas popolazzjoni, fejn il-parti l-kbira tal-inċidenti fit-toroq iseħħu meta sewwieqa jibqgħu deħlin f’annimali li ma jkunux raw.
Il-Pulizija qalu li din l-inizjattiva ħarġet minn xewqa li jitħares l-ambjent naturali b’dak kollu li fih, u waqt li jnaqqas l-inċidenti fit-toroq, iħares ukoll il-ħajjiet ta’ klieb, qtates u annimali oħra.
Bl-għajnuna ta’ awtoritajiet lokali, il-Pulizija se jiġbru l-annimali tat-triq, jaħsluhom u jtuhom x’jieklu u mbagħad ilibbsuhom dawn il-ġkieket. Diġà sabu l-post fejn se jżommuhom u se jibdew ix-xogħlijiet.
Fl-Emirati Għarab Magħquda hu stmat li tmut persuna f’inċident fit-toroq, kull 26 siegħa. Għalkemm ħafna jaħbtu f’annimali li jitfaċċawlhom għall-għarrieda, l-ikbar kaġun ta’ mwiet huma l-veloċità qawwija, in-nuqqas ta’ seatbelts u l-użu ta’ telefon ċellulari waqt is-sewqan.
Il-Pulizija tal-Emirati Għarab Magħquda għadha kemm ħarġet sett ġdid ta’ karozzi tal-Pulizija li jinkludu Lamborghini, Ferrari, Bentley u Mercedes, li kollha kapaċi jaqbżu t-300 kilometru fis-siegħa.
//= $special ?>