Sepp Blatter se jkompli jmexxi lill-FIFA għall-ħames terminu tiegħu wara li għeleb l-isfida tal-Princep Ali bin al-Hussein tal-Ġordan li rtira qabel beda t-tieni round ta’ votazzjoni.
Blatter li kellu bżonn żewġ terzi tal-voti li kienu jfissru 140 vot minn 209 disponibbli, kiseb 133 vot fl-ewwel round waqt li l-Prinċep Ali kiseb 73 u kien hemm tliet astensjonijiet.
Dan kien ifisser li kien se jkun meħtieġ it-tieni round ta’ votazzjoni iżda l-Prinċep Ali wara li analizza l-possibilitajiet tiegħu għażel li jikkonċedi t-telfa.
“Grazzi talli aċċettajtu li għall-erba’ snin li ġejjin fdajtu lili biex immexxi dan il-vapur imsejjaħ FIFA u se nkunu qed indaħħluh lura fil-port ħalli l-futbol jitgawda minn kulħadd,” qal Blatter fl-ewwel kummenti tiegħu wara li rringrazzja lill-Priċep Ali u sejjaħlu sfidant denju.
“Erba’ snin ilu sfidajtkom bil-problemi li kellna u ħallejt f’idejkom, issa mhux se nisfidakom imma rridu naħdmu flimkien. Ħadd m’hu perfett.
“F’dan il-kumitat irridu aktar nisa u rridu naħdmu aktar. Mhux se mmiss it-tazza tad-Dinja kif wiegħedtkom.”
Il-princep Ali rringrazzja lil dawk kollha li vvutawlu u wrew fiduċja fih.
//= $special ?>

