Lokali

Tim aerobatiku mill-Polonja kkonfermat għall-Airshow ta’ din is-sena

L-Air Force tal-Polonja kkonfermat is-sehem tagħha fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Malta International Airshow.

L-organizzaturi laqgħu din il-konferma u spjegaw li din hi l-ewwel darba li din l-Air Force se tkun qed tieħu sehem f’Malta. Mistennija tagħmel programm bit-tim aerobatiku Orlik, tieħu sehem fil-wirja statika b’AN-28TD u ajruplan ieħor ta’ trasport li se jkun għall-wiri waqt il-ħin tal-pubbliku.

It-tim aerobatiku mill-Polonja kien ġie ffurmat fl-1998 u ħa ismu mill-ajruplan PZL-130 Orlik li kien juża dak iż-żmien. It-tim itir f’formazzjoni ta’ sebgħa u hu magħruf madwar id-dinja għall-preċiżjoni u l-eleganza waqt li jtir.

Se jieħdu sehem ukoll membri tal-Forzi Armati tal-Polonja b’żewġ ajruplani waqt il-wirja statika. L-organizzaturi qalu li din l-aħbar hi l-qofol tal-isforz tagħhom fl-aħħar snin biex ikollhom il-preżenza tal-forzi armati tal-Polonja f’Malta.