Futbol Sport

Uffiċjali: Paul Zammit jinħeles minn kuntratt ta’ kowċ ta’ Birkirkara

Birkirkara ħabbru li ntlaħaq ftehim mal-kowċ Paul Zammit biex dan tal-aħħar ixolji l-kuntratt tiegħu.

B’hekk ikkonfermata l-aħbar li ħabbar dan is-sit iktar kmieni, u li tfisser li issa twittiet it-triq biex Paul Zammit isir kowċ ta’ Valletta u postu jieħdu Giovanni Tedesco, eks Floriana.

Iktar kmieni: Hekk kif illejla B’Kara mistennija jaħtru lill-avukat Adrian Delia bħala President tal-klabb wara li fl-elezzjoni tal-bieraħ ġab aktar minn 90% tal-voti tal-membri, illum taf tkun ġurnata importanti u deċiżva għal żewġ kowċis partikolari; Paul Zammit li sal-lum għadu kowċ ta’ B’Kara u t-Taljan Giovanni Tedesco li dan l-istaġun mexxa lil Floriana għall-ħames post tal-klassifika tal-Kampjonat Premier.

Il-Facebook Page ta’ Replay dalgħodu żvelat b’mod esklussiv, li aktar tard illum se tinżamm laqgħa bejn Delia u Zammit bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim biex Zammit jinħall mill-kuntratt hekk kif dan għad għandu sena oħra ma’ B’Kara skont il-ftehim li kien milħuq fl-2013.

Jidher ċar li dan l-aħħar B’Kara ma kienux qed jinfurmaw lil Zammit bl-aħħar żviluppi li kien hemm fil-klabb, tant li fil-jiem li għaddew Replay żvela li Zammit lanqas biss kien jaf xejn dwar l-aħħar deċiżjonijiet ta’ B’Kara fosthom il-wasla f’Malta u n-negozjati li hemm bejn il-klabb u l-ex plejer internazzjonali Taljan Fabrizio Miccoli. Dan wassal sabiex kompliet tikber l-ispekulazzjoni li B’Kara u Zammit mistennija jinfirdu, waqt li Tedesco jkun maħtur kowċ ġdid ta’ B’Kara. Fl-istess waqt, Valletta ikkonfermaw li Ivan Zammit mhux se jibqa’ fit-tmexxija tal-klabb u għalhekk il-Beltin qed ifittxu kowċ ġdid biex jieħu t-tmexxija tat-tim f’idejħ. Sa mill-bidu nett beda’ jissemma’ l-isem ta’ Zammit li fil-passat u taħt il-Presidenza attwali ta’ Valletta, kien diġa’ mexxa lil dan il-klabb. Madankollu qabel Zammit jinħall mill-kuntratt attwali dan ma jistax jitkellem ma’ Valletta.

Ilejla laqgħa bejn l-Avukat Delia u l-kowċ Żammit

Illum taf tkun storja oħra hekk kif Delia u Zammit se jiltaqgħu b’tama li jintalaħaq qbil bejn B’Kara u Zammit biex iż-żewġ naħat jaqbdu toroq differenti u serparati minn ta’ xulxin. Kemm il-darba llejla Delia u Zammit jilħqu qbil verbali bejnithom biex jinħallu mill-kuntratt, ilejla stess Delia jiltaqa’ mal-kumitat il-ġdid ta’ B’Kara u wara li jilħaq President tal-klabb, iressaq għall-vot il-ftehim milħuq ma’ Zammit biex B’Kara u Zammit ma jibqgħux marbuta b’kuntratt flimkien. Is-sorsi tagħna qalulna li kollox jindikka li dan mistenni jseħħ iżda għandhom ikunu B’Kara li jsibu l-aħjar mezz kif se jagħmlu dan anke għaliex Zammit għad irid jitħallas minn B’Kara, biex ma nsemmux li skont il-ligi, kemm il-darba Żammit jitneħħa minn kowċ sena qabel it-tmiem tal-kuntratt, il-klabb irid iħallas nofs is-salarju li għandu jieħu fl-aħħar sena tal-kuntratt tiegħu ma’ B’Kara.

Lilhin minn dan kollu, la darba B’Kara u Zammit jilħqu qbil dwar is-separazzjoni ta’ bejnithom, Zammit mistenni jsir kowċ ta’ Valletta. Dawn l-aħbarijiet, li kienu żvelati minn Replay fuq Facebook, waslu sabiex kienu bosta l-partitarji ta’ B’Kara li fuq is-social media esprimew d-diżappunt tagħhom lejn din id-deċiżjoni waqt li oħrajn qed jifhmu li t-tluq ta’ Zammit ifisser il-wasla ta’ investiment barrani fil-klabb Karkariż. Jingħad li dan l-investitur jixtieq li jkun hemm Tedesco bħala kowċ ta’ B’Kara u l-ħatra tat-Taljan hija marbuta ukoll mal-wasla ta’ Miccoli mal-istripes. Sal-bieraħ filgħaxija, B’Kara kienu għadhom f’diskussjonijiet ma’ Miccoli. Fl-istess waqt il-partitarji Beltin fil-maġġoranza tagħhom huma ewforiċi lejn il-possibiltà li Zammit jerġa’ jirritorna ma’ Valletta anke għaliex preżentament hemm ħidma kbira mill-kumitat ta’ Valletta sabiex jiżdidu l-membri fil-klabb u jerġa’ jikber l-entużjażmu fost il-partitarji Beltin wara li l-klabb falla milli jirbaħ il-Kampjonat Premier u l-FA Trophy.

Iktar aħbarijiet mix-xena tal-futbol lokali fuq Replay (Net Television).