Kmandanti tal-Armata Libjana qed jakkużaw il-ġellieda Iżlamiċi fil-Libja għal attakk bil-missili fuq distrett residenzjali ta’ Bengażi, fejn inqatlu madwar għaxar u rriżultaw ukoll il-midruba.
Il-ġlied għall-kontroll ta’ Bengażi – it-tieni l-akbar belt fil-Libja – ilu għaddej għal sena meta l-battalji fl-inħawi huma parti mill-konflitt bejn l-eks-entitajiet tar-ribelli li, fl-2011, għenu jwaqqgħu r-reġim tal-eks-dittatur Libjan, Muammar Gaddafi.
Il-gruppi tal-eks ribelli rispettivi llum qed jappoġġjaw liż-żewġ Gvernijiet rivali fil-Libja – dak f’Tobruk li jgawdi l-għarfien internazzjonali u dak ta’ Tripli li għandu l-appoġġ ta’ koalizzjoni Iżlamika.
Sadanittant, il-preżenza tal-ISIS fil-Libja kompliet tqajjem it-tħassib, bil-ġiħadisti jattakkaw checkpoint tas-sigurta ħdejn Derna, lejn il-Lvant ta’ Bengażi, fejn inqatlu talanqas żewġ suldati.
L-ISIS fil-preżent qed jisfruttaw dejjem aktar in-nuqqas tas-sigurta fil-Libja u, nhar il-Ġimgħa, ħatfu l-kontroll tal-bażi tal-ajru ta’ al-Qardabiya, lejn in-Nofsinar ta’ Sirte, wara li l-qawwiet leali għall-Gvern ta’ Tripli rtiraw mill-inħawi.
Din hi l-ewwel darba li l-ISIS għamlu kisba militari hekk importanti fil-Libja, bl-aħħar rapporti jgħidu li l-qawwiet favur il-Gvern fi Tripli għandhom iwettqu kontro-offensiva biex jieħdu lura l-bażi tal-ajru inkwistjoni ladarba jaslulhom ir-reinforzi.
Intant, il-Pentagon tal-Istati Uniti ma ħareġ l-ebda kumment dwar il-ħtif tal-bażi tal-ajru ta’ al-Qardabiya. Is-skiet tal-Istati Uniti fiċ-ċirkostanzi qed jitqies bħala ‘ħaġa mhix tas-soltu’ u jista’ jindika l-livell tal-isfida – inkluż fuq bażi organizzattiva – li l-Amerikani qed jiffaċċjaw biex jirrankaw il-kumbattimenti kontra l-ġiħadisti tal-ISIS.
Il-Pentagon isostni li l-missjonijiet diretti kontra l-ISIS huma limitati għall-Iraq u s-Sirja, ħlief f’każ ta’ awtorizzazzjoni speċifika ‘biex imorru ‘l hinn mill-mandat’.
//= $special ?>