Ambjent Lokali

Attivita kontra l-qerda ta’ art ambjentali

L-impenn kontra l-qerda tal-artijiet agrikoli u l-aspetti ekoloġiċi taż-żona protetta Żonqor Point f’Marsakala se jkunu fiċ-ċentru nhar l-Ħadd f’attivita fil-post fejn il-gvern qed jippjana li jibni universita ġdida.

Din l-attivita, organizzata mill-PN, se tkun qed tilqa’ fiha lil dawk l-organizazzjonijiet, entitajet, individwi u politiċi li huma kontra din il-qerda ta’ art ambjentali.

Fl-aħħar ġimgħat minn wara li tħabbar il-mod kif din iż-żona ambjentali se tinqered, kien kbir in-numru ta’ għaqdiet u individwu li ħarġu ‘l quddiem u semmgħu leħinhom kontra dan l-iżvilupp.

Fil-fatt favur il-ħarsien tal-ambjent f’Żonqor Point ingħaqad moviment ta’ għaqdiet li jifirixu minn bdiewa sa professjonisti, minn kaċċaturi għal ambjentalisti, minn studenti għal għalliema, minn politiċi għal ċittadini u minn attivisti Nazzjonalisti għal oħrajn Laburisti.

Hu propju moviment ġej mis-soċjeta bi skop waħdieni ta’ konservazzjoni ta’ żona protetta ‘l barra miż-żona ta’ żvilupp.

Fl-appell tiegħu għal din l-attivita, li se ssir wara l-pixxina ta’ Marsaskala u tibda fl-10:30 ta’ filgħodu, l-Partit Nazzjonalista qed jappella lin-nies biex jipparteċipaw għaliex il-preżenza tagħhom għandha sinifikat.

Dan hu mument, isostni l-Partit Nazzjonalista, li irrispettivament mill-kulur politiku, in-nies ikunu flimkien biex żona ta’ sbuħija ambjentali u naturali u ta’ importanza ekoloġija ‘l barra miż-żona fejn jista jsir bini tibqa’ konsevata mhux biss għall-preżent iżda għall-futur.

Il-PN qed jappella lin-nies biex jersqu ‘l quddiem u bil-parteċipazzjoni tagħhom jibgħatu messaġġ qawwi favur l-ambjent….li hu prijorita għall-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri.