Internazzjonali

Id-Danimarka tikkunsidra l-ħwienet ‘cash-free’

Il-pajjiżi Skandinavi ilhom magħrufa bħala r-reġjun tad-dinja fejn il-flus kontanti jintużaw l-anqas. Intant, id-Danimarka qed tikkunsidra jekk tmurx pass ‘il hinn mill-prattika u tippermetti li l-bejjiegħa bl-ingrossa ‘jipprojbixxu għal kollox’ il-pagamenti bil-flus kontanti.

Fil-preżent, wieħed jista’ juża l-credit card biex iħallas bejjiegħ tal-monti fl-Iżvezja waqt li l-konsumaturi f’Kopenhagen (fid-Danimarka) kapaċi jixtru tazza kafe espresso permezz tas-smartphone.

Sadanittant, il-Kamra tal-Kummerċ fid-Danimarka rrakkmandat li l-ħwienet u l-entitajiet tas-servizzi jingħataw l-għażla li jaddottaw politika ‘cash-free’ mija-fil-mija. Il-proposta teħtieġ tkun approvata mill-Parlament u, f’każ ta’ qbil, il-bejjiegħa jistgħu jibdew ‘jiċħdu l-kontanti’ sa minn Jannar li ġej.

Kelliema għall-Kamra tal-Kummerċ f’Kopenhagen qalu li n-negozjanti ilhom żmien jinfurmawhom li ċ-ċirkolazzjoni tal-flus fl-idejn u l-attivita relatata jiswew l-ispejjeż minbarra li jqanqlu tħassib dwar is-sigurta. Huma jinnutaw ukoll li persuna li qed iġġorr il-flus kontanti hi aktar disposta li tispiċċa aggredita, avolja d-delitti vjolenti huma relattivament baxxi fid-Danimarka.

Sadanittant, ftit jidher li hemm reżistenza għall-proposta dwar il-ħwienet ‘cash-free’ mill-istampa, il-konsumaturi u n-negozji fid-Danimarka.