Lokali

Il-Gvern jhedded l-għajxien tal-bejjiegħa tal-Monti f’Marsaxlokk

Il-bejjiegħa tal-Monti li jarmaw fis-suq ta’ kull nhar ta’ Ħadd f’Marsaxlokk qed jaraw l-għajxien tagħhom mhedded direttament mill-Gvern li jidher li għandu l-intenzjoni li jċaqlaqhom aktar ’il ġewwa f’Marsaxlokk stess fejn hemm il-grawnd tal-futbol.

Jekk ma jaċċettawx din il-proposta, allura jitħallew fejn huma bil-patt iżda li ħadd minnhom ma jista’ juża l-vettura tiegħu biex jarma tant li jkollhom jipparkjaw xi mkien ’il bogħod.

Sorsi fost il-bejjiegħa tal-monti li jarmaw f’Marsaxlokk f’dawn il-jiem tkellmu ma’ MaltaRightNow.com u fissru d-diżappunt kbir tagħhom għall-atteġġjament tal-Gvern li b’dak li qiegħed jagħmel qed jhedded l-għajxien tagħhom għax filwaqt li s’issa dejjem ramaw mingħajr problemi tul ix-Xatt ta’ Marsaxlokk, issa jrid li dawn jiċċaqilqu minn fejn huma.

F’laqgħa għal dawn il-bejjiegħa, qalulhom li minħabba proġett li se jsir tul il-promenade ta’ Marsaxlokk, iridu jagħżlu jekk hux se jaħdmu fejn qegħdin bħalissa iżda mingħajr ma jkollhom il-vettura pparkjata ħdejhom u allura armata maġenbhom, inkella ferm aktar ’il ġewwa fejn, iżda, il-postijiet se jingħataw lill-bejjiegħa u dawn ikunu tagħhom.

Il-persuni li tkellmu ma’ dan il-ġurnal fissru li ma jistgħux jifhmu kif sal-lum dejjem ħadmu bla problemi, u issa f’daqqa waħda jiġu uffiċjali mill-Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Intrapriżi Żgħar u jagħmlulhom dawn il-kundizzjonijiet bl-iskuża li ppruvaw ibellgħulhom tkun li dan qed isir għax kemm-il darba tinqala’ xi ħaġa, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, la tkun tista’ tgħaddi ambulanza u lanqas fire-engine.

Dawn is-sorsi qalu li din hi gidba sfaċċata għaliex meta kien hemm bżonn li mit-triq tgħaddi l-ambulanza, din għaddiet mingħajr problemi ta’ xejn. Dan għaliex il-monti ta’ nhar ta’ Ħadd f’Marsaxlokk jarma fil-karreġġjata ta’ ġewwa u mhux fit-triq li fiha jkun hemm biss ipparkjati l-karozzi tal-istess bejjiegħa li jmorru biex jipparkjaw kmieni filgħodu biex żgur ma tinħoloq l-ebda problema.

Bejjiegħa li tkellmu magħna qalulna li kemm-il darba jintbagħtu jarmaw ħdejn il-grawnd, se jkunu mtellfa fix-xogħol tagħhom meta jagħmel ir-riħ minn ċerta direzzjoni għax jiġi ħafna trab mill-għelieqi.

Il-bejjiegħa li tkellmu magħna esprimew ukoll id-diżappunt tagħhom li min indirizza l-laqgħa ħasel idejh fil-bidu tal-istess laqgħa u qal biss li hu kien qiegħed iservi ta’ messaġġier dwar deċiżjonijiet li kienu diġà meħuda mill-Ministeru.

Fil-laqgħa, li kienet waħda mqanqla, il-bejjiegħa insistew li dawk li kienu qed jindirizzawhom jgħidulhom bl-aktar mod ċar fejn kienu beħsiebhom jitfgħuhom biex jarmaw.

Kien hemm min waqt il-laqgħa insista li kemm-il darba l-Gvern jibqa’ jittratta lill-bejjiegħa tal-monti ta’ Marsaxlokk b’dan il-mod, allura kien qiegħed iwassalhom biex iżarmaw u minflok imorru jirreġistraw, għax ix-xogħol tagħhom kien qiegħed iġibhulhom fix-xejn.