Investiment qawwi ta’ madwar €7 miljun mill-Gvern preċedenti biex kien żviluppat il-Park tal-Familja f’Marsaskala, illum irrenda ruħu fi proġett abbandunat għaliex il-Gvern Laburista traskurah u mhux qed jikkultivah biex jibqa’ jitgawda mill-familji.
Leo Brincat, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, quddiem dan l-abbandun ta’ dan il-proġett inawgurat 27 xahar ilu biss, għandu jispjega lil ħafna nies, b’mod partikulari min-Nofsinhar ta’ Malta, li qegħdin jilmentaw li hi ħasra li dan il-Park tal-Familja li sa ftit tax-xhur ilu biss kien ipaxxi l-għajn, spiċċa f’zona mitluqa, b’siġar imkissrin, oħra mejta u oħrajn li mielu għall-art.
Żona li llum hi dominata minn ħitan tas-sejjieħ li bdew jiġġarrfu, tabelli mkissrin, fliexken tal-plastik u munzelli ta’ ħaxix ħażin. Il-familji li jgħixu fin-Nofsinhar ta’ Malta, jafu tajjeb kif il-Park tal-Familja f’Marsaskala kien sar biex kien żviluppat għall-familji b’faċilitajiet, bħal zoni differenti għall-picnics, dog park, grawnd tal-futbol tal-5-a-side, zona għal rock-climbing u abseiling, stalel taż-żwiemel, out door gym u diversi zoni tal-logħob għat-tfal, anfiteatru, ċentru tal-agroturiżmu fuq stil ta’ razzett antik, ċentru ta’ informazzjoni biex iservi bħala post għall-edukazzjoni fuq l-immaniġġjar tal-iskart u l-ambjent, zona ta’ parkeġġ għall-viżitaturi u diversi faċilitajiet oħra.
//= $special ?>