Evidenza ġdida dwar il-kuntratt iffirmat bejn l-FMS u Skanska turi li ma ngħatat l-ebda ‘waiver’ li jnaqqas ir-responsabbilta’ ta’ Skanska fil-kwalita’ tal-bini tal-isptar Mater Dei.
Storja, żvelata minn The Malta Independent on Sunday, itenni li l-waiver kif imħabbar mill-Partit Laburista ma kienx qed jirreferi għall-użu tal-konkrit fil-bini tal-isptar Mater Dei iżda għall-mod kif kienu tranġaw numru ta’ diżgwidi bejn il-Fundazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-kumpanija barranija.
The Malta Independent on Sunday filfatt żvela li kiseb kopja tal-kuntratt sħiħ dwar dan il-ftehim, li sar ma’ tmiem il-bini tal-isptar Mater Dei. F’dan il-ftehim, ‘l hekk imsejjaħ Project Closure Agreement, jidher biċ-ċar li l-Gvern għad għandu numru ta’ toroq legali li bihom jista’ jfittex ‘il kumpanija Skanska dwar il-kwalita’ inferjuri tal-konkrit: ħsarat li skont il-Gvern se jiġu jiswew mat-€30 miljun biex jittranġaw.
Il-“waiver” li jeżisti ma kienx jorbot lil FMS biex ma tfittixx lil Skanska għal xi problemi li jafu jinqalgħu, imma kien qed jittratta ftehim separat li sar bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-kumpanija Svediża, b’rabta ma’ dewmien fit-twettiq tal-proġett, fejn Skanska kienet ħarġet somma biex tagħmel tajjeb għad-danni ta’ dan id-dewmien, li mar kontra l-kuntratt oriġinali.
Filfatt, l-aħbar ta’ The Malta Independent on Sunday ittenni li Artiklu 9 ta’ dan il-ftehim, li ġie kwotat mill-media Laburista, jgħid li jeżisti waiver bejn l-FMS u Skanska Malta, iżda qiegħed jirreferi direttament għal dan id-dewmien mingħajr ma jagħmel referenza għal kwalunkwe xogħol ieħor. U dan filwaqt li jtenni li dak kollu li ma jaqax ma’ dak il-ftehim supplimentarju hu marbut b’Artiklu 5 (ritratt, minn The Malta Independent on Sunday) tal-Project Closure Agreement, li jkopri kull aspett tal-proġett tal-isptar Mater Dei, inkluż il-kwalita’ tal-konkrit.
L-artiklu 4, li hawnhekk qed issir referenza għalih, ma jirreferi għal xejn għajr xi xogħol żgħir li kien għadu ma tlestiex fi tmiem il-proġett, u li l-kumpanija kienet qed taħdem biex tlesti fil-ġimgħat ta’ wara. Bl-ebda mod ma jirreferi għal xogħol fil-konkrit, tenniet The Malta Indepdendent on Sunday.
Wieħed jistaqsi kif il-Gvern, li għandu f’idejh id-dokumenti kollha relatati ma’ dan il-każ, naqas milli jispjega din ir-rivelazzjoni ġdida, bil-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu jkompli jixħet iktar dubji fuq din il-kwistjoni minflok jispjega l-partijiet kollha tal-ftehim li kien sar waqt il-bini tal-isptar Mater Dei.
//= $special ?>