Internazzjonali

It-Taljani jivvutaw fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali

Il-poplu fl-Italja qed jivvota fl-elezzjonijiet lokali u reġjonali li qed jitqiesu bħala eżami importanti għall-Prim Ministru Taljan taċ-ċentru-xellug, Matteo Renzi.

Madwar 20 miljun Taljan huma eliġibbli biex jivvutaw għall-Gvernaturi f’seba’ fost l-20 reġjuni tal-pajjiż. L-elettorat għandu anki jeleġġi s-Sindki ta’ aktar minn 700 muniċipalita tal-Italja.

L-elezzjonijiet huma l-ewwel fl-Italja wara dawk ta’ sena ilu għall-Parlament tal-Ewropa, fejn il-Partit PD ta’ Renzi kien rebaħ bi ftit aktar minn 40 fil-mija tal-vot.

Intant, Renzi qed jistenna eżami partikolarment iebsa fir-reġjun ta’ Liguria. Dan meta l-kandidat tal-PD qed jiffaċċja, bħala rivali, lill-kandidat tal-lemin, Giovanni Toti, li għandu l-appoġġ tal-Forza Italia u daqstant ieħor tal-Lega Nord.

Il-postijiet tal-votazzjoni jibqgħu miftuħa sa tard bil-lejl, bir-riżultati ta’ dawn l-elezzjonijiet mistennija joħorġu għada.
.