Is-sid tal-proprjetà flimkien ma’ uffiċjal għoli tal-Ministeru fil-Kejsell
Is-sid tal-proprjetà fi Triq Gruwa fejn ftit tal-ġimgħat ilu sar xogħol fuq żewġt ikmamar minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern, nhar it-Tnejn li għadda sebħu fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet f’Għawdex – magħruf aħjar bħala ‘Il-Kejselli’. Hu kien akkumpanjat minn Keith Vella Muscat, uffiċjal għoli fid-Dipartiment li huwa responsabbli mix-xogħolijiet fil-Ministeru għal Għawdex u magħruf sew għall-kulur politiku tiegħu u l-lealtà assoluta lejn il-Ministru Anton Refalo.
Mhux magħruf x’kien l-iskop ta’ din iż-żjara tagħhom fil-Kejselli, għalkemm sorsi infurmati tajjeb qalulna li ma jeskludux li din iż-żjara saret f’tentattiv biex wara l-istorja żvelata minn il-mument tal-Ħadd li għadda, jaraw x’se jagħmlu u kif se jaġixxu fil-konfront ta’ dak li kien pubblikat.
Nhar it-Tnejn li għadda din il-gazzetta fl-9.52 a.m. irċiviet ittra elettronika ffirmata mill-avukat Joseph Grech f’isem Francis Cauchi u Michael Sultana li kienet tirreferi għall-artiklu pubblikat f’il-mument tal-jum ta’ qabel.
L-editur u l-ġurnalist mhedda bi proċeduri kriminali
F’din l-ittra minbarra li ngħad li x-xogħolijiet imsemmija fl-artiklu saru fil-proprjetà tagħhom u saru totalment minnhom personalment, mingħajr ma tqabbad ebda kuntrattur, hija mimlija theddid dirett li jinbdew proċeduri legali permezz ta’ azzjoni ċivili u kriminali kontra l-editur, kontra l-ġurnalist Joe Mikallef, kontra l-gazzetta il-mument u kontra media.link communications kemm-il darba ma ssirx apoloġija, bil-fatti korretti u li tingħata l-istess prominenza.
Kwistjoni ġdida li tinvolvi l-irċevuti
Fis-2 p.m tat-Tnejn li għadda, jiġifieri kważi ħames sigħat wara, l-avukat Joseph Grech bagħat korrispondenza elettronika oħra li fiha qal “in addizzjonali tal-e-mail preċedenti tiegħi, qiegħed ukoll nannetti r-riċevuti fiskali tal-materjal li l-klijent tiegħi xtara biex inbnew l-imsemmija kmamar.”
Fl-isfond ta’ dawn kollu jitqanqlu diversi mistoqsijiet fosthom x’żamm lill-avukat u lill-klijenti tiegħu milli jgħaddu l-irċevuti fiskali mal-ewwel korrispondenza elettronika?
Għaliex kellhom jgħaddu ħames sigħat biex jintbagħtu kopji tal-irċevuti fiskali? Għaliex l-irċevuti fiskali jinkludi somma waħda ta’ flus, u mhux l-ispiża li tirrifletti kull materjal li ntuża għal din il-binja? Għaliex hemm differenza ta’ kważi għaxar xhur bejn il-ħruġ ta’ rċevuta minn oħra?
Il-mument se jkompli jindaga fuq dawn l-irċevuti anke għaliex informazzjoni li waslet għandna tgħid li wieħed mis-sidien stess it-Tnejn filgħodu kmieni nstema’ jgħid li kien għadu ma tħallas xejn tax-xogħol li sar. Imbagħad ftit sigħat wara, u ftit ħin wara li ltaqa’ ma’ Keith Vella Muscat, tfaċċaw irċevuti ta’ xhur qabel.
F’il-mument tal-Ħadd li għadda kien żvelat kif fil-ġimgħat li għaddew kienu nbnew żewġt ikmamar minn ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern biswit Triq Gruwa u fit-tarf ta’ għelieqi privati.
Kien żvelat ukoll li x-xogħlijiet ta’ bini fuq dawn iż-żewġt ikmamar sar meta fi Triq Gruwa kien għaddej xogħol ta’ tħaffir ta’ trinek u xogħol ieħor biex għadda l-mejn tal-ilma u għalhekk ix-xogħol kien ippjanat b’mod li ma jagħtix fil-għajn.
Il-każ żvelat nhar il-Ħadd li għadda hu ħolqa oħra f’katina twila ta’ xogħlijiet b’ħaddiema tal-Gvern u b’materjal tal-Gvern li saru fl-aħħar sentejn fil-privat lil persuni qrib il-Ministru Anton Refalo li qiegħed ikun investigat mill-Pulizija b’rabta ma’ xogħlijiet fil-privat minn ħaddiema u materjal tal-Gvern.
//= $special ?>