Il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed li se jkun qed jindirizza l-kwistjoni tal-konkrit li ntuza fil-bini tal-isptar Mater Dei mill-kumpanija Skanska Malta.
Waqt li kien qed jitkellem f’attivita’ organizzata mill-Partit Laburista f’Rialto, f’Bormla, Joseph Muscat m’għamel l-ebda referenza lejn l-istorja li kienet żvelata iktar kmieni llum b’rabta mal-waiver bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija Żvediża.
L-istorja, żvelata minn The Malta Independent on Sunday, tenniet li l-waiver kif imħabbar mill-Partit Laburista ma kienx qed jirreferi għall-użu tal-konkrit fil-bini tal-isptar Mater Dei iżda għal mod kif kienu tranġaw numru ta’ diżgwidi bejn il-Fundazzjoni għas-Servizzi Mediċi u l-kumpanija barranija.
Muscat tkellem ukoll dwar il-bini tal-Universita’ ġdida fuq art barra miż-żona tal-iżvilupp, u qal li ntgħażel dan is-sit bħala “last resort”, l-aħħar alternattiva. Dan filwaqt li evita li jsemmi li s-sidien ta’ din l-art huma filfatt partitarji Laburisti, li ħadmu fil-qrib mal-eks Ministru Laburista Lorry Sant.
Lanqas ma rrefera għall-aħbar, żvelata mill-gazzetta il-mument, li sidien tal-art fiż-Żonqor kienu marru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista biex jagħmlu pressjoni lil Gvern dwar dak li ġew imwiegħda qabel l-elezzjoni ġenerali.
Sussegwentament kienu saru wkoll laqgħat li matulhom kien intalab ukoll jintervjeni Deputat Laburista li ġej minn lokalità fix-Xlokk ta’ Malta, u li jġorr miegħu snin ta’ esperjenza fil-qasam tan-negozju tal-artijiet.
//= $special ?>

