Lokali

L-ALPA mħassba dwar it-tibdil fl-Air Malta

Xniehat li jafu jitnaqqsu mill-ġdid in-numru ta’ titjiriet  provduti mil-linja tal-avjazzjoni AirMalta qed iħassbu lil unjin li tirrapreżenta lill-ħaddiema fis-settur.

Dan qaliltu l-għaqda ALPA-Malta fi stqarrija, fejn esprimiet ukoll tħassib dwar id-deċiżjonijiet riċenti, li qed ifittxu li jindirizzaw il-problemi tal-kumpanija f’ħin qasir mingħajr ippjanar serju fit-tul.

L-ALPA filfatt esprimiet it-tħassib tagħha dwar it-tnaqqis fin-numru ta’ ajruplani, li se ssarraf f’kapaċita’ dejjem inqas ta’ persuni li jistgħu jivvjaġġaw mal-linja Maltija. Hi emfasizzat fil-bżonn li l-AirMalta żżid is-sehem tagħha fis-suq u tnaqqis fin-numru ta’ ajruplani żgur mhux se jgħin.

L-importanza ta’ dan kollu tkompli tidher meta wieħed iqis iċ-ċokon tas-suq Malti kumparat ma’ swieq oħrajn barranin. Tnaqqis fin-numru ta’ titjiriet huwa ta’ tħassib, qalet l-ALPA, filwaqt li aċċennat li l-aħbarijiet riċenti fejn intqal li għandhom jiżdiedu t-titjiriet fl-istaġun tax-xitwa hija waħda pożittiva.

Biss, l-ALPA qalet li tittama li saret analiżi dettaljata minħabba li żieda fit-titjiriet b’inqas ajruplani tfisser li l-kumpanija trid tagħmel iktar rotot b’inqas riżorsi. Biex dan kollu jkun suċċess, hemm bżonn ta’ ippjanar serju.

L-ALPA temmet l-istqarrija billi appellat lil AirMalta biex toħloq inizjattivi ġodda li jistgħu jiġġeneraw iktar dħul għall-kumpanija, bis-sehem dirett ta’ dawk kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam.