L-art indikata mill-Prim Ministru Joseph Muscat għall-iżvilupp f’inħawi fil-Ponta ż-Żonqor fejn mhux suppost isir żvilupp hija kollha kemm hi wegħda elettorali lil numru ta’ sidien Laburisti li għandhom artijiet fl-inħawi, u li wara l-elezzjoni ġenerali kienet iċ-ċentru ta’ pressjoni kbira li saret fuq il-Partit Laburista.
Il-maltarightnow.com għandu tagħrif kif sidien Laburisti ta’ artijiet fl-inħawi tal-Ponta taż-Żonqor, xhur ilu kienu marru ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn għamlu pressjoni, billi talbu li jiltaqgħu ma’ uffiċjali tal-Partit Laburista biex magħhom jiddiskutu dak li kien imwiegħed lilhom qabel l-elezzjoni ġenerali; jiġifieri li l-art li għandhom fil-Ponta taż-Żonqor tkun tista’ tiġi żviluppata.
Dawn is-sidien tant kienu determinati li jieħdu dak li kienu mwiegħda, u biex fl-aħħar mill-aħħar il-Partit Laburista mill-kliem jgħaddi għall-fatti, li magħhom kienu ħadu l-pjanti tal-artijiet tagħhom biex żgur id-diskussjoni ma ssirx fl-arja.
Sorsi li tkellmu ma’ maltarightnow.com qalu li dawn is-sidien wrew rabja kbira għall-fatt li dak li kien imwiegħed lilhom kien għadu ma twettaqx jew ma ħaduhx. Sussegwentament kienu saru laqgħat li matulhom kien intalab ukoll jintervjeni Deputat Laburista li ġej minn lokalità fix-Xlokk ta’ Malta, u li jġorr miegħu snin ta’ esperjenza fil-qasam tan-negozju tal-artijiet.
Intant, il-Front Ħarsien ODZ qed jitlob lil kull Membru Parlamentari biex jistqarr il-pożizzjoni tiegħu jew tagħha dwar il-ħarsien ambjentali u l-proġetti proposti fuq art ODZ, b’mod partikolari dak propost f’Marsaskala. Il-Front qal li ċ- ċittadini għandhom ikunu jafu x’jaħsbu r-rappreżentanti tagħhom dwar dawn l-iżviluppi, u min huwa lest jiddefendi l-art pubblika u jħarisha.
//= $special ?>