Raġel ta’ 47 sena li kien qed jistad fil-Hawaii tilef ħajtu f’ċirkostanzi m’humiex tas-soltu wara li niffditu ħuta tat-tip pixxispad wara li hu kien niżel il-baħar biex jaqbadha.
Mifhum li r-raġel, li kellu dgħajsa tas-sajd, lemaħ il-pixxispad ftit ‘il barra mill-port ta’ Honokohau, fuq il-gżira ta’ Hawaii, u qabeż għalih armat bi spear-gun. Ir-raġel irnexxielu jaqbad il-ħuta iżda din daret u niffditu f’sidru bil-parti ta’ quddiem ippuntata.
In-nies li nġemgħu fl-inħawi tellgħu lir-raġel fuq l-art u ppruvaw iġibuh lura f’sensih iżda ma rnexxilhomx, bir-raġel imut l-isptar aktar tard.
Il-ħuta inkwistjoni kienet twila madwar 90 ċentimetru, bil-parti ppuntata ta’ quddiem ikollha, ftit jew wisq, l-istess tul.
Filwaqt li l-inċident qed ikun investigat, l-esperti qalu li l-ħut tat-tip ‘billfish’ – fosthom il-pixxispad – huma magħrufa bħala ‘aggressivi’ filwaqt li ‘jafu jiddefendu ruħhom f’ċirkostanzi ta’ periklu’.
//= $special ?>