Lokali

Tal-qalba jkomplu jgawdu: Mark Gaffarena jagħmel iktar minn €1.6 miljun ewro fi profitt mill-Gvern

Jixtri nofs proprjeta’ fil-belt Valletta f’żewġ ħlasijiet separati: jingħata lura nofs miljun ewro u art daqs 10 grawnds tal-futbol għal profitt totali ta’ ‘l fuq minn €1,644,000.

 

Ikomplu jgawdu tal-qalba, u issa kien imiss il-familja Gaffarena, midħla sew tal-Partit Laburista, biex hi wkoll tgawdi mill-filosofija “tagħna lkoll” tal-Gvern.

U dan hekk kif f’aħbar żvelata mill-gazzetta The Sunday Times of Malta, ħareġ fil-beraħ il-ħlas li għamel il-Gvern lil Mark Gaffarena, b’valur ta’ ftit iktar minn €822,000 f’art u flus kontanti. U l-Gvern dan il-ħlas m’għamlux darba, imma darbtejn, għal valur totali ta’ €1.65 miljun.

Kollox beda meta Mark Gaffarena xtara kwart ta’ proprjeta’ fi Strada Zekka fil-belt Valletta, għal valur ta’ €23,294 f’Diċembru tal-2007. Fit-28 ta’ Jannar li għadda, il-Gvern esproprja kwart il-proprjeta’, u ħallas lil Gaffarena €822,500 f’art u flus kontanti.

Fis-26 ta’ Frar, Mark Gaffarena xtara kwart ieħor tal-proprjeta’, din id-darba għall-valur ta’ €139,762. Xahrejn biss wara, fl-10 ta’ April, il-Gvern reġa’ esproprja kwart ieħor ta’ din il-proprjeta’, u reġa’ ħallas lil Mark Gaffarena €822,500.

B’hekk f’inqas minn xahrejn, Mark Gaffarena spiċċa għamel €516,390 fi flus kontanti bħala profitt fuq din l-art. Dan minbarra li akkwista wkoll numru ta’ artijiet li bejniethom ikopru d-daqs ta’ 10 grawnds tal-futbol, fosthom partijiet minn White Rocks, limiti tan-Naxxar, żewġ artijiet f’Ħaż-Żebbuġ, proprjeta’ fi Triq Manwel Dimech f’Tas-Sliema, art oħra fiż-żona Ta’ Kandja fis-Siġġiewi u biċċa art oħra fiż-żona Ta’ Ħandaq f’Ħal Qormi.

Il-valur tal-art tleħħaq iktar minn miljun ewro: ‘il fuq minn €1,128,000, u dan minbarra n-nofs miljun ewro oħra li Mark Gaffarena kiseb fi flus kontanti, għal total ta’ ‘l fuq minn €1,644,000.

Mark Gaffarena huwa magħruf ukoll għall-każ kontroversjali tal-pompa tal-petrol, liema pompa kienet ingħalqet minħabba regolamenti tal-MEPA, li ftit xhur biss wara r-rebħa tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali, spiċċaw tbiddlu apposta biex illum din il-pompa qed terġa’ topera mill-ġdid.

petrol station