Lokali

Tingħata ċ-ċittadinanza Maltija f’inqas minn 9 xhur

Iktar tħassib dwar jekk ir-Rumena, Codruta Mallia, kinitx aġevolata minħabba r-raġel tagħha, l-eks Ministru Laburista Manwel Mallia

 
Il-mara tal-eks Ministru Manwel Mallia, imwielda r-Rumanija, kisbet iċ-ċittadinanza Maltija f’inqas minn disa’ xhur mill-applikazzjoni tagħha.

L-aħbar kienet ippublikata mill-ġurnal Malta Today, li żvelat ukoll l-applikazzjoni ta’ Elena Codruta Cristian, taħt l-Att dwar il-Liberta’ tal-Informazzjoni.

rsz_fullsizerender

Iżda minkejja li Identity Malta provdiet l-applikazzjoni lil Malta Today, hi ħadet ħsieb tħassar id-dettalji personali tal-applikanta, il-mara tal-eks Ministru Mallia, kif ukoll ta’ min kitbilha l-applikazzjoni.

Skont il-liġi Maltija, din il-persuna trid tkun bilfors membru parlamentari, membru tal-ġudikatura, avukat, tabib, membru b’kariga għolja fil-korp tal-Pulizija, uffiċjal fl-Armata jew Kappillan, u trid tiċċertifika li l-persuna li qed tapplika biex issir Maltija hija ta’ imġieba tajba.

Iżda għal xi raġuni, dan l-isem tneħħa mill-verżjoni li l-Gvern għażel li jippublika, bil-Malta Today tagħmel ilment formali biex tingħata l-informazzjoni kollha skont il-liġi.

Meta kien affaċjat b’din l-aħbar, l-eks Ministru Manwel Mallia ċaħad li kellu xi involviment fil-każ tan-naturalizzazjoni ta’ martu, u qal li l-applikazzjoni kienet saret wara li martu ilha tgħix f’Malta għal mill-inqas seba’ snin qabel applikat biex issir ċittadina.

Fl-aħħar xhur, il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu għal mod kif il-Gvern mexa fl-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni, bil-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami jirrimarka li kien hemm abbuż ċar tal-poter fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tal-mara tal-eks Ministru, b’disrispett totali lejn ir-regoli li jeżistu fl-għoti taċ-ċittadinanza Maltija