Internazzjonali Kurżitajiet

Tista’ tirbaħ karozza b’xejn jekk lest tnaddafha

Ir-raġel ta’ omm Ella Williamson iddeċieda li ma jistax ikun li l-karozza Peugeot 307, ipparkjata fil-parkeġġ tiegħu, tibqa’ tinżamm f’dak l-istat tal-biki.

Ella, li hi studenta, abbadunat il-karozza li għandha biss 91,000 mil fuqha, u marret issegwi kors fl-Università ta’ Brighton. Il-missier lest jagħti l-karozza b’xejn, anke jekk għandha l-valur ta’ €1,400, lil min għandu l-kuraġġ biżżejjed li jeħodha.

L-apparenza minn barra tal-karozza kapaċi tqarraq għax id-difetti mhumiex biss id-daqqiet li Ella tatha kull meta ppruvat tipparkja imma l-kundizzjoni li ħallietha fiha. Skont James Baggott, ir-raġel t’omm Ella, il-karozza hi f’kundizzjoni moqżieża tant li tella’ reklam fuq is-sit tiegħu biex min irid, jeħodha b’xejn. Kull ma jrid jagħmel min hu interessat hu li jagħfas ‘Like’ fuq il-paġna tal-kumpanija tiegħu mbagħad jikkuntattjawh lura.

James wissa li l-karozza minn ġewwa tinten, hi infestata bi ħmieġ u tqażżu. Għalhekk hu u ommha kienu qed itellgħu u jniżżlu jaħarquhiex jew jagħtuhiex lil xi xjentist biex jistudja dak li fiha. Imma mbagħad ħasbu li xi ħadd jista’ jkun iridha imma jrid jidħol fiha miksi minn rasu sa saqajh kontra l-mard u b’par ingwanti.

Għal James, li hu ffissat fil-karozzi, hu skandaluż li Ella ħalliet il-Peugeot tagħha mimlija għanqbut, moffa qrib il-hand break u l-gear box u mimlija ħmieġ u tbajja’.

Ella daħqet meta ndunat tad-dar x’għamlulha u qalet biss li ma kinitx konxja li l-karozza tagħha kienet fi stat daqshekk ħażin. Wissiet hi wkoll li min jidħol fiha jista’ jlaqqat xi marda.