Internazzjonali

Attakk suwiċida tal-ISIS f’Misrata

Il-ġiħadisti tal-ISIS fil-Libja ħadu responsabbilta għal splużjoni ta’ karozza-bomba, fil-limiti ta’ Misrata, li qatlet ħamsa u ħalliet numru sostanzjali ta’ midruba.

L-attakk seħħ meta aggressur suwiċida saq il-vettura li kienet ippakkjata bl-isplussivi lejn iċ-checkpoint tas-sigurta ewlieni fil-Punent ta’ Misrata. Ir-rapporti miz-zona qalu, intant, li numru ta’ ħwienet u karozzi li kienu fiz-zona ġarrbu l-ħsarat sussegwenti.

Il-belt ta’ Misrata, lejn il-Lvant ta’ Tripli, hi alleata mal-Gvern tal-Prim Ministru Khalifa Al Ghwell li qed jikkontrolla l-belt kapitali Libjana. Dan waqt li l-Gvern Libjan rivali li jgawdi l-għarfien internazzjonali qed jiffunzjona mill-belt ta’ Tobruk.

Intant, stqarrija tal-ISIS fuq Twitter qalet li l-attakk inkwistjoni ‘tmexxa minn Tuneżin, bil-Prim Ministru Al Ghwell jgħid l-Gvern tiegħu qed jappoġġja lill-elementi kollha tal-Armata u l-pulizija, ‘flimkien mal-qawwiet rivoluzzjonarji’, biex jikkumbattu u jegħlbu lill-ISIS fil-Libja.