Il-Gvern ma jippubblikax ir-rapport sħiħ dwar il-konkos użat f’Mater Dei
L-Oppożizzjoni tistenna lill-Gvern li min kien responsabbli għal konkrit inferjuri fil-bini tal-Isptar Mater Dei u għall-ittestjar tal-konkrit iħallas hu u jerfa’ r-responsabbiltà hu u ma jkunx il-poplu li jħallas għal min iffroda u qarraq.
Dan iddikjarah il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil meta lbieraħ fil-Parlament il-Gvern għamel stqarrija ministerjali dwar il-konklużjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta dwar il-konkrit dgħajjef fl-Isptar Mater Dei.
Appella lill-Gvern li ma jiddefendix lil min għamel il-ħażin għaliex irrimarka li fost il-kuntratturi hemm kumpaniji li ħadmu fil-bini tal-kwartieri tal-Partit Laburista, u wkoll ħu John Dalli.
L-Oppożizzjoni trid l-aqwa fis-servizz tas-saħħa pubblika, kemm fl-istruttura kif ukoll fis-servizz tal-isptar.
Amministrazzjoni Nazzjonalista investiet fi sptar ġdid tal-ogħla livell u tippretendi li l-isptar ikun tal-ogħla servizz
Amministrazzjoni Nazzjonalista investiet fi sptar ġdid tal-ogħla livell u tippretendi li l-isptar ikun tal-ogħla servizz. Sptar ġdid li Alfred Sant kien sejjaħlu state-of-the-art.
Simon Busuttil qal li jistenna wara l-istqarrija tal-Gvern, li ma jkun hemm xejn li jnaqqas mill-ogħla livelli li investejna fihom, u jekk m’hemmx l-ogħla livelli għandha tintrefa’ r-responsabbiltà minn min naqas li jagħmel dan.
B’riferenza għaċ-ċifra ta’ €35 miljun ta’ danni biex jittranġaw dak li sar ħażin. Simon Busuttil staqsa x’se jagħmel il-Gvern biex il-€35 miljun iħallashom min ta x-xogħol ħażin u mhux il-popolu Malti.
Fost ħafna interruzzjonijiet mill-Gvern, Simon Busuttil staqsa wkoll lill-Ministru jispjega kif wasal għal din iċ-ċifra ta’ danni meta l-istess Ministru kkonferma fil-Parlament li r-rapporti mhumiex konklużi kollha.
Ikkritika lill-Gvern li f’din l-inkjesta li ħatar, aktar kien moħħu biex iħammeġ politikament milli jsib lil min hu responsabbli.
Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni hi moħħa biss biex l-affarijiet isiru sew, u jekk ma sarux sew il-Gvern għandu jassigura li jsiru sew.
L-Oppożizzjoni staqsiet ukoll lill-Ministru Mizzi jispjega għaliex kien hemm leakages kontinwi ta’ informazzjoni fuq il-gazzetti, mill-Prim Ministru u mill-Ministru Mizzi qabel ma tlesta r-rapport mill-Bord tal-Inkjesta. Staqsa x’tip ta’ rapport hu meta jirriżulta li partijiet minnu jiġu magħrufa qabel ma jitlesta.
Nuqqas ta’ trasparenza
Staqsa wkoll ir-raġuni għaliex kien hawn dan in-nuqqas ta’ trasparenza u għaliex il-Gvern u daqshekk inkompetenti u ċeda l-armi li jista’ jfittex u jiġri wara min għamel il-ħażin u qarraq.
B’riferenza għal dak li qal il-Gvern dwar klawsola ta’ waiver li minħabba fiha ma jistax jieħu azzjoni, Simon Busuttil qal li mhux veru li l-Gvern ma baqagħlux dritt li jfittex lil min hu resposnabbli.
Responsabbiltà politika tas-sentejn li għamel il-Gvern ta’ Sant
Dwar ir-responsabbiltà politika, Simon Busuttil staqsa jekk il-Gvern Laburista ta’ Alfred Sant għandux ukoll ir-responsabbiltà politika tas-sentejn li għamel fil-Gvern b’rabta mal-bini tal-Isptar Mater Dei.
Fakkar li kien Sant li ried jibni żewġ sulari oħra, u l-MEPA approvat sular wieħed. Staqsa li jekk Sant ried jibni żewġ sulari, sarux testijiet tal-ewwel sular u x’ġara mir-rapport tal-bini fi żmien Gvern Lbaurista; u x’ġara u min hu responsabbli politikament għal dak.
Irrimarka li l-Ministru għas-Saħħa ta’ dak iż-żmien hu l-istess Ministru tas-saħħa ta’ dan il-Gvern, u staqsa jekk il-Ministru wkoll għandux jerfa’ ir-responsabbilà politka wkoll.
Ftit li xejn issemma l-eks-Ministru u konsulent tal-Prim Ministru, John Dalli
Minn dak li qal il-Ministru Konrad Mizzi, Simon Busuttil qal li ftit li xejn issemma l-eks-Ministru u konsulent tal-Prim Ministru, John Dalli. Staqsa għaliex John Dalli ma jissemmix dan fir-rapport ta’ inkjesta għaliex kulħadd jaf li wara l-1998 in-negozjati saru taħt l-eks-Ministru Dalli.
Staqsa għalhekk għaliex il-Ministru Mizzi lanqas semmih lil John Dalli u staqsa lil min qiegħed jiddefendi l-Ministru Mizzi li semma persuna bħal Joe Cassar meta lanqas biss l-inkjesta ma bagħtet għalih.
Simon Busuttil saħaq li l-Gvern Laburista wkoll irid jerfa’ responsabbilà tas-sentejn ta’ Sant.
L-Oppożizzjoni tistenna, saħaq Simon Busuttil, li wara sentejn mir-roadmap ta’ dan il-Gvern ma jkunx hemm aktar pazjenti u mwiet fil-kuriduri tal-Isptar Mater Dei.
Gvern li qed jagħmilha tal-avukati tal-kuntratturi
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-PN, Beppe Fenech Adami, fir-rimarki tiegħu qal li sema’ diskorsi tal-Prim Ministru jgħid li l-Gvern iffirma ftehim li permezz tiegħu ma nistgħux infittxu lil Skanska, meta l-inkjesta llum qed tgħid l-oppost. Staqsa lill-Prim Ministru jekk għadux isostni li l-waiver agreement jeżenta r-responsabbiltà ta’ Skanska meta l-inkjesta tgħid li dan xorta ma jnaqqasx mir-responsabbiltà ta’ Skanska.
Ikkritika lill-Gvern li qed jagħmilha tal-avukati tal-kuntratturi li tefgħu l-konkrit ħażin u qed jagħti pariri lill-kuntratturi li l-Gvern ma jistax ifittixhom.
Staqsa lill-Gvern ukoll jgħid jekk l-inkjesta semgħatx ir-rappreżentanti tad-ditta ta’ avukati rinomati li kienet fit-tfassil tal-ftehim iffirmat dwar l-isptar il-ġdid, u jekk setgħatx tieħu l-pariri siewja ta’ din il-kumpanija.
Min-naħa l-oħra Beppe Fenech Adami ssemma wkoll li l-inkjesta ssemmi wkoll lill-eksmembri ta’ gvernijiet Nazzjoanlista Joe Cassar, Antoine Mifsud Bonnici u John Rizzo Naudi u ma kellhiex id-diċenza li tibgħat għalihom.
Beppe Fenech Adami temm jistaqsi mill-ġdid lil min qed tiddefendi l-inkjesta u l-Gvern, fil-każ tal-konkrit ħażin.
Wara l-istqarrija li saret fil-Parlament b’rabta mar-rapport ta’; inkjesta, il-Ministru Konrad Mizzi ma ppreżentax fil-Parlament ir-rapport tal-kumpanija internazzjonali ARUP, li għamlet rapport dwar il-konkrit użat f’Mater Dei.
L-Oppożizzjoni talbet lill-President tal-Kamra jagħti ruling biex jordna lill-Ministru Konrad Mizzi jippreżenta wkoll ir-rapporti sħaħ tal-ARUP la darba għamel riferenza għalihom fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament u li fiha rrifera għall-konklużjoni tar-Rapport tal-Inkjesta dwar il-materjal użat fl-Isptar Mater Dei.
It-tweġiba tal-Ministru Konrad Mizzi kienet li jkun lest li jippubblika r-rapport kollu meta jistlestew ir-rapporti kollha marbuta mal-isptar. Ikkritika lill-Oppożizzjoni li ma tridx titkellem dwar dan ir-rapport ta’ inkjesta.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista li hu proprju għaliex l-Oppożizzjoni qed tagħti importanza kbira ta’ dak li qed jintqal fl-istqarrija ministerjali tal-Gvern li qed tesiġi u titlob li r-rapporti jiġu ppubblikati kollha sħaħ, u mingħajr ma jinżamm xejn moħbi. Dan biex l-Oppożizzjoni tiddibatti kollox abbażi tat-trasparenza u l-informazzjoni sħiħa.
F’ruling li ngħata lbieraħ stess, l-Ispeaker ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jiddikjara li l-Oppożizzjoni lesta tkompli bid-dibattitu dwar ir-rapport.
Fl-istqarrija ministerjali li qara l-Ministru Konrad Mizzi fil-Parlament, intqal li l-Bord tal-inkjesta ddikjara li hemm biżżejjed provi li juru li t-testijiet pprovduti mill-kuntratturi kenu jammontaw għall-frodi.
Intqal ukoll li l-konkrit difettuż li nstab fis-sit ma kienx riżultat ta’ xi żball ġenwin, imma sforz li minnu setgħu jibbenefikaw xi persuni.
Fl-opinjoni tal-inkjesta ġie dikjarat li attività ta’ dan it-tip tista’ tiġi dikjarata bħala waħda kriminali. Il-Bord hu tal-pariri li l-awtoritajiet li jinkludu lill-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat Ġenerali kif ukoll l-Awditur Ġenerali jinvestigaw aktar f’dan ir-rigward.
Meta l-inkjesta tirrifera għar-responsabbiltà ċivili, l-inkjesta tgħid li kien il-kuntrattur Skanska li kien assuma r-responsabbiltà tal-kwalità tax-xogħol u tal-materjal provdut fil-kuntratt tal-bini tal-1995, kif ukoll fid-Design and Build Contract ta’ Frar 2000.
L-inkjesta tirriferi wkoll għar-responsabbiltà kriminali u tgħid li l-konkrit dgħajjef li nstab fis-sit hu riżultat ta’ atti ta’ frodi intenzjonati. Il-Gvern se jkun qed jagħmel minn kollox biex jittieħdu passi b’rabta ma’ dan kollu, u se jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li qed tagħmel din l-inkjesta.
Il-Gvern se jkun qed jgħaddi dan ir-rapport lill-Avukat Ġenerali, lill-Awditur Ġenerali kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija bil-għan li minn issa ‘l quddiem jiġi determinat x’passi ulterjuri jistgħu jittieħdu.
Ir-rapport isemmi lil Mixer Ltd, Blockrete Ltd, Devlands Ltd u Magħtab Construction li ssupplixxew il-konkrit lill-Isptar Mater Dei.
//= $special ?>