Lokali Saħħa

Brian St. John jiċħad kategorikament l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu

L-eks Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi (FMS), Brian St. John, fi stqarrija kategorikament ċaħad li qatt qatta’ xi dokumenti relatati mal-kwistjoni tal-kwalita’ tal-konkrit fl-isptar Mater Dei. Dan b’reazzjoni għall-kummenti li għamel il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt attivita’ tal-Partit Laburista lbieraħ filgħodu f’Bormla.

Dan kollu tħabbar permezz ta’ ittra li Brian St. John bagħat lil mezzi kollha tax-xandir, fejn tkellem dwar il-ħidma tiegħu fl-FMS. Hu ċaħad kull involviment fl-għażla tal-proveditur tal-konkrit għall-bini tal-isptar Mater Dei, filwaqt li stqarr li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet qabel ma hu beda jokkupa l-kariga fil-Fondazzjoni. Lanqas ma kien involut fil-proċess ta’ ċertifikazzjoni biex jikkonferma l-kwalita’ tal-bini.

Hu ċaħad kategorikament li qatt prova jaħbi xi karti relatati mal-bini tal-isptar, u li qatt poġġa xi dokumenti f’xi sejf biex ħadd ma jinduna bihom. Filfatt, hu tenna l-impenn li kellu biex jara li kull dokument ikun arkivjat sew u preżervat.

Hu esprima d-dispjaċir tiegħu li politiku bħal Joseph Muscat qed juża dawn it-tattiċi biex jitfa dell ikrah fuq ismu.

Brian St. John iddiżassoċja ruħu kompletament minn kull ħlas relatat ma’ xi difetti fil-kostruzzjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza, u tenna li fil-minuti jidher biċ-ċar li deċiżjonijiet relatati ma’ pagamenti minn Skanska ttieħdu mill-Bord tal-FMS u mhux minnu personalment. L-ittri li kiteb kienu mfasslin biss wara d-deċiżjonijiet tal-Bord, u qatt ma nkitbu fil-kapaċita’ personali tiegħu.

Hu għażel li ma ikkumentax dwar jekk il-‘waiver’ li ngħatat taffettwax il-lijabilita’ tal-kumpanija Svediża f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwalita’ tal-kostruzzjoni, iżda saħaq li l-involviment tiegħu fil-Project Closure Agreement ma kellha x’taqsam bl-ebda mod mal-kwalita’ tal-konkrit, u filfatt dan il-punt qatt ma kien diskuss.

Hu tenna li qed jipprovdi lil Inkjesta l-informazzjoni kollha li għandu, u jinsab kunfidenti li dak kollu li għandu x’jaqsam mal-aġir tiegħu fil-qasam huwa ċar quddiem dawk kollha involuti fl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.