Avviż Legali mill-Gvern li jattakka r-reputazzjoni tal-Università ta’ Malta
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ippreżenta mozzjoni lill-President tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farruga biex jiġi emendat Avviż Legali li ppubblika l-Gvern u li qiegħed ibaxxi l-kriterji li biha sistema edukattiva f’pajjiżna tingħata t-titlu ta’ Università.
Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-Avviż Legali li ppubblika l-Gvern, u qed tressaq fil-Parlament emendi fuq diversi punti ta’ importanza. Fost l-oħrajn l-Oppożizzjoni qed titlob biex jitneħħew mill-Avviż Legali l-klawsoli li jbaxxu l-kriterji ta’ università u jerġgħu jiddaħħlu fl-Avviż Legali l-kriterji li kienu eżistenti qabel.
L-Oppożizzjoni mhix taqbel li entità li ġġorr magħha l-isem ta’ università, m’għandiex għalfejn tiftaħ korsijiet li jwasslu għal Masters u Dottorat. Fisser li l-Avviż Legali hu attakk mill-Gvern fuq ir-reputazzjoni tal-Università ta’ Malta.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia għadda l-mozzjoni li rċieva mill-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Iskrivan tal-Kamra biex titniżżel fuq l-aġenda tax-xogħol tal-Kamra u tiġi diskussa fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra. Il-President tal-Kamra rringrazzja lill-Oppożizjzon tax-xogħol tagħha fil-Parlament.
F’kummenti lill-media, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irrimarka li l-Avviż Legali li l-Gvern ippubblika mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn, hu marbut mal-iżvilupp li qiegħed jimbotta l-Gvern f’Żonqor Point meta jrid jgħaddi art agrikola u barra miz-Zona ta’ Żvilupp lil Ġordaniżi biex fuqha jibnu dik li sejjaħ bħala suppost università.
Fil-laqgġa mal-President tal-Kamra, il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Maro de Marco; mid-Deputat Nazzjonalista George Pullicino, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni Bikrija, u mid-Deputat Nazzjonalista David Agius, Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
//= $special ?>