Il-Kamra tiġi wkoll sospiża għal ftit minuti
Il-Gvern ma infurmax lill-Oppożizzjoni bi stqarrija ministerjali li kien se jagħmel fil-Parlament meta l-prassi hi li l-Oppożizzjoni dejjem tkun infurmata.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-bidu tas-seduta tal-Parlament illejla, irrikonoxxa li l-Oppożizzjoni ma kinitx infurmata bl-istqarrija ministerjali li tittratta l-inkjesta dwar l-użu tal-konkos fl-Isptar tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Qal li dan ma sarx b’xi skop.
Wara li l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, id-Deputat David Agius, ġibed l-attenzjoni tal-Kamra li l-prassi dejjem kienet li l-Gvern jinforma lill-Oppożizzjoni bl-istqarrijiet li jagħżel li jressaqq fil-Parlament, intlaħaq qbil li din l-istqarrija tiġi posposta għal madwar 45 minuta.
Id-Deputat Nazzjonalista David Agius qajjem dan il-punt hekk kif il-Ministru għas-Saħħa u l-Enerġija, Konrad Mizzi, iddikjara li kien se jagħmel stqarrija ministerjali dwar l-inkjesta dwar il-materjal użat fil-bini tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei. Il-Prim Ministru qal li din l-istqarrija ministerjali hi urġenti minġabba s-serjetà li rriżulta minn din l-inkjesta.
B’rabta ma’ din l-inkjesta u l-membri li qegħdin iservu fuq din il-Bord ta’ Inkjesta, il-Ministru Konrad Mizzi nhar l-Erbgħa li għadda fil-Parlament infexx f’attakk isteriku kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni meta kien żvelat, u l-Gvern inkixef, li l-Bord kien ħatar espert legali biex jagħti parir lill-Bord, lil Alex Micallef, it-tifel taċ-Chairman tal-Bord ta’ Inkjesta, l-eks-Imħallef Philip Micallef.
Wara dan l-inċident li qam fil-Parlament minħabba li l-Gvern ma infurmax lill-Oppożizzjoni bl-istqarrija tal-Ministru Konrad Mizzi dwar ir-rapport ta’ inkjesta, li dwaru l-Gvern stess kien ta konferenza tal-aħbarijiet ftit biss qabel ma beda jiltaqa’ l-Parlament, il-Kamra kompliet b’xogħol ieħor li kien ippjanat.
Meta l-Kamra għaddiet biex tkompli d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li bih il-Gvern irid iħassar l-elezzjonijiet lokali ta’ sentejn oħra u jipposponihom għall-2019, ma kienx hemm qbil dwar kif se tkompli d-diskussjoni u kienet sospiża għal ħames minuti biex setgħet tkompli d-diskussjoni dwar il-Kunsilil Lokali.
//= $special ?>